Waqt l-għeluq tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq kif Gvern Laburista dejjem emmen u bil-fatti pprattika l-ġustizzja soċjali.
F’messaġġ ċar, Dr. Abela kompla jgħid li l-poplu afda lil dan il-Partit fit-tmexxija tal-pajjiż u għalhekk Gvern Laburista qatt ma beża’ jieħu d-deċiżjonijiet li kien hemm bżonn.
“Qatt ma ddejjaqna naffrontaw u nagħtu s-soluzzjonijiet għall-isfidi u żgur mhux se niddejqu issa b’tim formidabbli li għandna għal Malta pajjiżna.”
Dr Abela elenka kif sal-bieraħ stess , l-aġenzija ta’ kreditu Fitch irrevediet ’il fuq it-tbassir tagħha dwar l-ekonomija ta’ pajjiżna. Hawn tenna li l-ekonomija mhijiex l-unika pedament ta’ pajjiż b’saħħtu imma s-sellum soċjali li nħoloq irid jibqa’ jkun l-għodda li biha inti tkun aħjar.
Il-Prim Ministru tkellem dwar diversi investimenti li saru fl-aħħar ġimgħat u xhur fir-riżorsa umana bħal ftehim settorjali li ngħata lill-edukaturi mhux biss tal-Gvern imma wkoll tal-knisja u dawk indipendenti.
Hawnhekk nnota l-ipokrezija tal-Partit Nazzjonalista li għall-ebda riforma ma jkun hemm biex jagħti l-appoġġ tiegħu. Minflok ikun hemm biss skiet perfett.
Dr Abela wassal is-solidarejtà tiegħu lill-professjonisti tas-saħħa li ta kuljum jaffaċċjaw sfidi kbar.
“Grati wkoll tassew lejn il-professjonisti tagħna fil-qasam tas-saħħa, u se niddefendukom quddiem l-attakki inġusti. U hawn jien f’isimkom ukoll nuri s-solidarjetà u l-appoġġ lill-professjonisti tagħna li jagħtu saħħithom u ħilithom kollha f’ċirkostanzi xejn faċli biex isalvaw il-ħajjiet, u jagħtu l-aqwa kura possibbli lin-nies tagħna.”
Waqt l-istess konferenza l-Prim Ministru sellem il-memorja ta’ Joe Brincat u Lorenzo Vella li t-tnejn kienu parti integrali fil-moviment favur il-ġustizzja soċjali.
Hawn fakkar ukoll fl-aħbar xokkanti ta’ Karl Gouder li ħalliena ftit jiem ilu. Huwa tenna li l-ħbiberija ta’ bejniethom baqgħet tissupera minkejja twemmin politiku differenti.
Fuq dan is-suġġett, il-Prim Ministru għamel aċċenn ukoll fuq il-bżonn li pajjiżna jintrefa’ ’l fuq mill-partigġjaniżmu u attakki personali hekk kif dawn ma jikkontribwixxuwx għal soċjetà b’saħħitha u jbiegħdu n-nies milli jersqu biex jagħtu kontribut fil-ħajja pubblika.
Stqarr li pajjiżna ma jistax jibqa’ għaddej bil-politika ta’ aħna u huma, imma Malta Flimkien.
“Dan pajjiż li ma jistax jibqa’ għaddej bil-politika ta’ aħna u huma – imma Malta Flimkien – Malta bajda u ħamra – Malta Pajjiżna. L-aħna akbar mill-jiena.”