L-Erbgħa waranofshinar ingħaddew il-voti ta’ 23 Kunsill Lokali wara l-elezzjonijiet tas-Sibt li għadda, bil-Partit Laburista jġib il-maġġoranza fi ħmistax-il Kunsill. Dan filwaqt li l-Partit Nazzjonalista rnexxielu jġib il-maġġoranza fi tmin kunsilli lokali.
F’dan l-għadd, il-Partit Laburista eleġġa 83 kunsillier, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista eleġġa 68 kandidat. Kien hemm ukoll 4 kandidati indipendenti li ġew eletti.
Iċ-ċifri juru wkoll kif hawnhekk il-Partit Laburista rebaħ erbgħa u ħamsin punt tnejn fil-mija (54.2%) tal-voti kollha f’dawn il-lokalitajiet, jiġifieri 45,790 vot. Id-distakk fuq il-Partit Nazzjonalista hu ta’ 11,758 vot.
Il-Kunsilli tal-Belt Valletta u Pembroke żammew maġġoranza Laburista, b’Olaf McKay u Kaylon Zammit se jservu bħala Sindki rispettivi.
Il-Partit Laburista rebaħ, għall-ewwel darba fl-istorja, il-maġġoranza fil-lokalità tal-Għasri. Hawnhekk il-Partit Laburista kiseb qrib il-65% tal-voti mixħuta, mal-20% aktar minn ħames snin ilu, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista, li tilef il-maġġoranza f’dan il-Kunsill, naqqas il-voti b’madwar 18%.
Il-lokalitajiet tal-Marsa, ix-Xewkija, Santa Venera u Birżebbuġa se jitmexxew ukoll minn Sindki żgħażagħ Laburisti, li huma Luke Farrugia, Simon Refalo, Gianluca Falzon u Scott Camilleri rispettivament.
Il-Qrendi, l-Imqabba, Ħal Tarxien, iż-Żejtun, Ta’ Xbiex, Ħad-Dingli u ż-Żurrieq ukoll se jitmexxew b’maġġoranza Laburista. Is-Sindki rispettivi ta’ dawn il-lokalitajiet huma David Michael Schembri, Grace Marie Zerafa, Joseph Abela Galea, Joan Agius, Max Zammit, Raymond Schembri u Rita Grima.
Sadanittant, il-Partit Nazzjonalista rebaħ kunsilli li tradizzjonalment ikollu l-maġġoranza, bħal Ħal Balzan, il-Fontana, in-Nadur, Għajnsielem, l-Iklin u San Ġiljan.
Il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, li dejjem jaqleb il-partiti, din id-darba ntrebaħ b’maġġoranza Nazzjonalista.
Fil-Mellieħa, il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista tellgħu erba’ siġġijiet kull wieħed f’kunsill li, ħames snin ilu, kien hemm biss differenza ta’ 70 vot. Hawnhekk intrebaħ siġġu minn kandidat indipendenti u allura s-Sindakat għad irid jiġi deċiż f’laqgħa tal-istess kunsill.
F’Ħaż-Żebbuġ, il-Partit Laburista kiseb erba’ siġġijiet, tliet siġġijiet kisibhom il-Partit Nazzjonalista u ġew eletti żewġ kandidati indipendenti. Steve Zammit Lupi, li diġà kien elett fil-kunsill ħames snin ilu bħala kandidat indipendenti, kiseb l-akbar ammont ta’ voti f’din l-elezzjoni. Hawnhekk ukoll is-Sindakat irid jiġi deċiż f’laqgħa tal-kunsill.
Il-Ħamis se jsir l-għadd fi 22 lokalità oħra, waqt li l-aħħar 23 lokalità se jiġu deċiżi matul il-waranofsinhar tal-Ġimgħa.