Il-bidla fil-Kodiċi Kriminali li ġiet approvata mill-Parlament illejla hija bidla storika li l-Partit Laburista kellu l-kuraġġ iressaq ‘il quddiem u jikkonvinċi dwar il-ħtieġa tagħha.
Dan intqal fi stqarrija mill-Partit Laburista, fejn intqal li din il-bidla se tagħti serħan il-moħħ lil ommijiet prospettivi li jiffaċċjaw kumplikazzjoni medika serja waqt it-tqala u lill-Professjonisti li jikkurawhom f’ċirkostanzi mill-iktar diffiċli.
Sa ftit tax-xhur ilu kien hemm dawk, fuq quddiem nett l-Oppożizzjoni, li kienu qed jgħidu li m’hemmx bżonn ħtieġa ta’ bidla fil-liġi.
Dan għax skont huma kollox seta’ jibqa’ kif inhu, minkejja l-parir tal-Avukat tal-Istat, li min isalva ħajjet mara b’kumplikazzjoni fit-tqala u l-istess mara setgħu jiffaċċjaw proċeduri legali li magħhom iġibu priġunerija.
Fl-aħħar xhur, riżultat anke ta’ ħafna djalogu u persważjoni, fil-pajjiż kien hawn realizzazzjoni li din il-bidla kienet waħda meħtieġa u llejla l-Parlament Malti approva din il-bidla.
L-għan tal-bidla fil-liġi hu ċar. Il-ħajja tal-mara trid tingħata prijorità u mara m’għandiex tasal f’xifer il-mewt biex tingħata l-kura meħtieġa, għalhekk il-Gvern insista li r-referenza għas-saħħa gravi kellha tibqa’ fl-emenda, kuntrarju għal dak li ssuġġerit l-Oppożizzjoni.
Il-Partit Laburista temm jgħid li din hi riforma oħra li se jkun ġab Gvern Laburista fl-ewwel perjodu ta’ din il-leġiżlatura. Dan hekk kif Partit Laburista mill-Gvern jibqa’ Partit riformista.