Kien il-Prim Ministru Robert Abela, l-ewwel li tenna li l-inkjesta dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet Vitals għandha tkun ippublikata fl-intier tagħha. Dan b’mod partikolari fid-dawl li din inkjesta li kienet ilha għaddejja erba’ snin u nofs, u ‘kumbinazzjoni’ tlestiet mal-mument li fetħu n-nomini għall-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju.
Dan intqal fi stqarrija mill-Partit Laburista, b’reazzjoni għall-konferenza tal-aħbarijiet li għamel il-Kap Nazzjonalista, it-Tnejn filgħodu, fid-Dar Ċentrali.
Il-Partit Laburista qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni min-naħa l-oħra, l-ewwel ħareġ jgħid li l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju għandhom imexxu minnufih u issa qed jgħid li jrid kopja tal-inkjesta.
Intqal kif Grech stqarr ukoll li se jibqa’ jagħmel pressjoni u kkonferma li hu jimxi skont id-direzzjonijiet u l-prijoritajiet li hu u l-partit tiegħu jkollhom. Bil-quddiem jiddikjara li se jkompli bil-politika tat-theddid.
“Dan fl-istess ħin li l-Partit Nazzjonalista u deputati minn tiegħu għaddejin b’gidba wara oħra, inkluż fuq is-social media. Dan aġir ta’ establishment perikoluż”, temm jgħid il-Partit Laburista f’din l-istqarrija.