Il-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech irid jieħu lil pajjiżna lura flok ’il quddiem.
Dan kien il-messaġġ tal-Partit Laburista f’konferenza tal-aħbarijiet, is-Sibt filgħodu, biswit il-Funtana Tritoni.
Dan b’reazzjoni għal kif l-Oppożizzjoni Nazzjonalista rreaġixxiet għall-investiment ta’ sebgħin miljun ewro mħabbar mill-Gvern, li se jkun qed jgħin lill-familji Maltin u Għawdxin matul żmien ta’ sfidi internazzjonali.
Il-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield spjega kif il-Partit Nazzjonalista għadu jitmexxa mill-istess nies u għadu bl-istess ħsieb ta’ żmien ilu meta kien fil-Gvern.
Qal kif il-Partit Laburista mmexxi mill-Prim Ministru Robert Abela jaħseb fuq il-prosperità tal-familji Maltin u Għawdxin.
Hawnhekk semma kif il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi Mario De Marco u l-eks Ministru tal-Finanzi ta’ żmien GonziPN, Tonio Fenech ma qablux dwar dan l-investiment fin-nies, filwaqt li Peter Agius sejjaħlu soppa msaħħna.
Bedingfield qal, “Daħħalna l-kelma prosperità fil-politika u l-Partit Nazzjonalista qed jattakkana għaliex qegħdin inqassmu l-ġid.”
Id-Deputat Laburista Jonathan Attard qal kif il-Partit Nazzjonalista biss jista’ jmur lura għall-passat, għal Gvern li jgħolli l-kontijiet tad-dawl.
Filwaqt li l-Gvern Laburista qed ikompli jkun man-nies u n-negozji anke f’pandemija.
Attard spjega, “Qabel il-Partit Laburista tela’ fil-Gvern, kienu jgħidulna, Simon Busuttil fuq quddiem, li jekk ngħinu n-nies kif xtaqna ser nispiċċaw nitolbu bailout. Għenna lin-nies u ma tlabniex bailout, iżda anzi komplejna naraw kif nimxu ’l quddiem. Illum saħansitra għandna kandidati tal-Partit Nazzjonalista illi jbeżżgħu bil-Greċja u aħna ċertament meta nisimgħu bil-Greċja jiġina f’moħħna l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech illi ma staħa xejn jgħid li huwa Grieġ, flok Malti.”
Il-kandidata Laburista Noami Cachia semmiet ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea ppubblikat din il-ġimgħa, li qed ibassar li Malta jkollha l-akbar tkabbir mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Cachia rrimarkat, “Dan mistenni jkompli s-sena d-dieħla. L-aktar minħabba d-deċiżjoni tal-Gvern biex iżomm il-prezz tal-enerġija stabbli, biex jipproteġi lill-familji Maltin u Għawdxi. Jiġifieri ejja nirrikonoxxu illi anke fejn teżisti sfida internazzjonali, il-Gvern Malti huwa l-aktar wieħed li qed jaġixxi biex jgħin lin-nies, għax il-weġgħat tan-nies ma nwarbuhomx.”
Il-messaġġ huwa wieħed; dan kollu jista’ jsir għax il-Gvern għandu l-kredibbiltà biex imexxi l-ekonomija ta’ pajjiżna.