“Il-kontabilità tgħodd għal kulħadd u mhux għal xi ħadd mod u għal xi ħaddieħor mod ieħor.” Dan kien il-messaġġ tal-Partit Laburista meta tkellem id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Chris Cardona b’reazzjoni għal kif il-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil ma laqax l-isfida tal-Prim Ministru dwar jekk galadarba jirriżulta li Busuttil gideb u jinstab li m’hemm l-ebda konnessjoni bejn il-Prim Ministru u martu Michelle mal-kumpanija Egrant, Busuttil għandu jirriżenja.
Cardona qal li wieħed ma jistax jieħu persuna li hi involuta fil-politika bis-serjetà, meta l-istess persuna titfa’ akkużi serji u wara tmur tinħeba. Spjega kif jekk jirriżulta li Simon Busuttil gideb fuq il-Prim Ministru u heddu li se jkun qed jitfgħu l-ħabs, dan għandu jerfa’ r-responsabbiltà.
Kompla billi qal li jekk Busuttil mhux lest li jerfa’ din ir-responsabbiltà, dan mhuwiex denju li jkun Prim Ministru.