Is-Sibt filgħodu, lejliet Jum ir-Repubblika, il-Partit Laburista fakkar is-46 anniversarju ta’ din il-ġrajja importanti fl-istorja ta’ pajjiżna.
L-amministrazzjoni tal-Partit Laburista poġġiet kuruna u l-bukketti tal-fjuri fuq il-monument ta’ Malta Repubblika fi Triq Diċembru 13, fil-Marsa.
Id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista Daniel Micallef qal kif huwa importanti li nfakkru l-ġrajjiet tal-imgħoddi għaliex dawn il-kisbiet saru bħala poplu wieħed.
Fit-13 ta’ Diċembru tal-1974, pajjiżna kellu għall-ewwel darba Kap ta’ Stat li huwa Malti, minflok il-monarkija Ingliża. Dakinhar il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Dom Mintoff ħatar lil Sir Anthony Mamo bħala l-ewwel President Malti.