Il-Partit Laburista approva tliet kandidati ġodda għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Ġunju tas-sena d-dieħla.
Bil-kandidati approvati mill-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista huma Dr Marie Elise Agius, Dr Daniel Attard u Dr Marija Sara Vella Gafà.
Bijografiji
Dr Marie Elise Agius
Għandha 36 sena u gradwat mill-Università ta’ Malta bħala Avukat fl-2011.
Bdiet il-professjoni tagħha bħala Avukat, fl-uffiċċju legali privat tagħha fiż-Żejtun u kompliet taħdem f’diversi oqsma legali quddiem il-Qrati u Tribunali ta’ Malta, fosthom dawk tal-familja, każijiet soċjali, ċivili, kriminali, kostruzzjoni u servizzi finanzjarji fi ħdan Dipartiment Governattiv.
Ħadmet ukoll bħala konsulent legali ta’ entitajiet privati, liema esperjenza għenet biex tikseb ħiliet fin-negozjati, it-tmexxija ta’ taħdidiet u l-proċess li jwassal għal ftehim.
Qabel bdiet il-karriera tagħha, Marie Elise kienet volontiera mal-Victim Support Unit, esperjenza li matulha setgħet tapprezza aktar l-irwol u l-obbligu ta’ dawk li jagħżlu l-professjoni legali.
Il-kreattività u l-livell ta’ komunikazzjoni tagħha tqishom bħala fatturi li jikkumplimentawha u temmen li jservuha biex tintegra, tifhem u tgħin meta mitlub b’mod effettiv.
Dr Daniel Attard
Għandu 31 sena u gradwa mill-Università ta’ Malta bħala Avukat fl-2017.
Sal-2021, Dr Attard serva l-komunità tal-Imtarfa bħala Sindku wara li ġie elett għall-ewwel darba fl-2013.
Matul il-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Dr Attard kiseb esperjenza fl-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) fi ħdan il-Ġnus Magħquda, b’impenn b’saħħtu favur it-tisħiħ tad-drittijiet tal-ħaddiema u l-kundizzjonijiet tax-xogħol.
Huwa kompla jsaħħaħ il-ħiliet tiegħu fil-kamp Diplomatiku u r-relazzjonijiet internazzjonali fir-Renju Unit, fejn ġie fdat bil-kariga ta’ Deputat Kummissarju Għoli ta’ Malta, u għal numru ta’ xhur bħala Chargé d’Affaires.
Dr Attard għandu wkoll esperjenza wiesgħa fl-operat tal-Unjoni Ewropea, u jirrappreżenta lil Malta f’laqgħat ta’ ħidma dwar numru ta’ Direttivi, b’mod partikolari fil-qasam tad-Drittijiet tal-Konsumaturi.
Fl-aħħar snin Dr Attard serva ukoll bħala Kelliem għal diversi Ministeri, bl-aktar riċenti jkun il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej.
Waqt l-istudji tiegħu, Dr Attard ħadem ukoll bħala ġurnalist fil-kamra tal-aħbarijiet ta’ ONE.
Daniel Attard hu entużjast tal-festi Maltin, l-isport, kif ukoll tal-mużika.
Dr Marija Sara Vella Gafà
Għandha 27 sena u gradwat mill-Università ta’ Malta bħala Avukat fl-2019.
Fil-preżent hija s-Sindku tal-Gudja wara li ġiet eletta fl-2019.
Dr Vella Gafà ħadmet ukoll bħala Avukat fl-Awtorità tal-Artijiet, filwaqt li kienet involuta direttament fit-tfassil ta’ liġijiet u riformi fosthom fl-oqsma tal-intern u l-ambjent.
Dr Vella Gafà kienet attiva fl-għaqda tal-Forum Żgħażagħ Laburisti sa mill-2011 u fl-2017 kienet fl-Eżekuttiv tal-istess fergħa. Fl-aħħar snin kienet ukoll Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Laburista.
Dejjem interessawha d-drittijiet tan-nisa, bit-teżi tagħha għall-Masters fil-liġi kienet dwar soluzzjonijiet għal rappreżentanza adekwata tan-nisa fil-Parlament.
Hija involviet ruħha f’internships u programmi ta’ taħriġ dwar l-Unjoni Ewropea. Marija Sara serviet ukoll bħala Liaison Officer waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill Ewropew fl-2017.