Il-Partit Laburista approva lil Clint Azzopardi Flores bħala kandidat ġdid għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Ġunju tas-sena d-dieħla.
Bijografija
L-Ekonomista Clint Azzopardi Flores trabba u għex fuq Santa Margerita Bormla. Attenda kemm l-iskola primarja, kif ukoll dik sekondarja f’Bormla stess. Wara li temm l-edukazzjoni sekondarja, kompla bl-istudji post-sekondarji fl-iskola Giovanni Curmi fin-Naxxar. Sussegwentament, huwa kiseb il-grad ta’ Baċellerat fl-Arti (Unuri) fl-Ekonomija u l-grad ta’ Maġisteru tal-Arti fl-Ekonomija mill-Università ta’ Malta. Fl-2011, Clint ingħata borża ta’ studju sabiex ikompli l-istudji tiegħu fl-Università ta’ York fl-Ingilterra, fejn kiseb b’distinzjoni l-grad ta’ Maġisteru tax-Xjenza fl-Ekonomija u l-Finanzi. Iktar tard, huwa beda l-karriera professjonali tiegħu fil-Bank Ċentrali ta’ Malta. Imbagħad fl-2013, Clint kien għamel perjodu ta’ ħidma fil-Parlament Ewropew fi Brussell.
Fl-2014, huwa kien impjegat tal-Gvern Malti fil-Permanenza ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea bħala Budget u Economy Attachè. Fl-2017, Clint ippreseda l-Kumitat tal-Baġit tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea waqt il-Presidenza ta’ Malta tal-Unjoni Ewropea, fejn irnexxielu jinnegozja r-regolament finanzjarju tal-Unjoni Ewropea f’qasir żmien. Imbagħad, fl-2018 inħatar bħala r-Rappreżentant tal-Gvern Malti fil-Kumitat tal-Politika u s-Sigurtà tal-Unjoni Ewropea, fejn in-natura tax-xogħol kienet aktar marbuta mad-diplomazija u s-sigurtà Ewropea.
Fl-aħħar tal-2021, Clint irritorna lura Malta u bħalissa qiegħed jaħdem bħala ekonomista f’wieħed mill-banek ewlenin. L-irwol tiegħu huwa relatat mar-riskji tal-klima u ambjentali, soċjali u ta’ governanza magħrufa aħjar bħala ESG.
Clint għandu 42 sena u jgħix flimkien mar-raġel tiegħu Ray Azzopardi, f’Ħal Tarxien.