Il-Partit Laburista approva tliet kandidati oħra għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ Mejju tas-sena d-dieħla.
Noel Cassar, Josianne Cutajar u Fleur Vella jingħaqdu mas-seba’ kandidati li kienu approvati f’Settembru biex sa issa l-Partit Laburista għandu tim ta’ 10 kandidati. Il-kandidati approvati f’Settembru huma Alex Agius Saliba, Felix Busuttil, Josef Caruana, Miriam Dalli, Cyrus Engerer, James Grech u Joe Sammut.Il-kandidatura tal-Partit Laburista hija waħda b’saħħitha u interessanti għaliex hija magħmula minn persuni ta’ etajiet u ħiliet differenti. Il-kandidati joffru għadd ta’ esperjenzi differenti u speċjalizzazzjoni f’oqsma diversi.
L-elezzjonijiet ta’ Mejju li ġej huma elezzjonijiet importanti għal pajjiżna li jrid jagħżel bejn rappreżentanti ta’ partit li fl-istituzzjonijiet Ewropej dejjem ħadem biex isem Malta jingħata l-ġieħ li jixraqlu u rappreżentanti ta’ partit li fl-aħħar snin ma waqafx ikasbar il-pajjiż biex mingħalih jimmina l-gvern.