Il-Partit Laburista, immexxi minn Robert Abela, għandu l-akbar lista ta’ kandidati kemm għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew kif ukoll dawk tal-Kunsilli Lokali, li se jsiru nhar is-Sibt 8 ta’ Ġunju li ġej.
In-nominazzjonijiet setgħu jiddaħħlu lill-Kummissjoni Elettorali sas-sebgħa ta’ filgħaxja tat-Tnejn.
Fl-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew, il-Partit Laburista għandu disa’ kandidati, waqt li l-Partit Nazzjonalista se jkollu tmienja.
B’kollox, il-polza tal-vot se tinkludi 39 kandidat, li minbarra dawk taż-żewġ partiti prinċipali, hemm dawk tal-partiti ż-żgħar u dawk li ħerġin indipendenti.
Nhar il-Ġimgħa li għadda, il-kandidati Laburisti għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ippreżentaw flimkien in-nomina tagħhom fl-uffiċini tal-Kummissjoni Elettorali fin-Naxxar.
Il-kandidati f’isem il-Partit Laburista f’din l-elezzjoni huma: Claudette Abela Baldacchino, Alex Agius Saliba, Daniel Attard, Clint Azzopardi Flores, Thomas Bajada, Jesmond Bonello, Steve Ellul, Jesmond Marshall u Marija Sara Vella Gafà.
Dan filwaqt li, għall-Elezzjonijiet tal-Kunsilli, il-Kummissjoni Elettorali rċeviet 710 nomini.
Waqt li l-Partit Laburista għandu 381 kandidat, il-Partit Nazzjonalista għandu tmienja u tmenin kandidat inqas.