Il-Kamra tal-Kummerċ ippreżentat il-proposti tagħha għall-ħames snin li ġejjin f’laqgħa li kellha mal-amministrazzjoni tal-Partit Laburista fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista t-Tlieta filgħodu.
Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti d-Deputati Mexxejja Chris Fearne u Daniel Micallef flimkien ma’ kandidati tal-Partit Laburista.
Matul il-laqgħa saret preżentazzjoni tal-proposti li huma msejsa fuq ħames pilastri: ir-reżiljenza ekonomika; il-governanza tajba; l-edukazzjoni u l-kapital uman; infrastruttura u diġitalizzazzjoni; u s-sostenibilità.
Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, Marisa Xuereb, spjegat l-għanijiet tal-Kamra filwaqt li rrikonoxxiet ukoll ħidmet il-Gvern, li wieżen lill-ħaddiema u n-negozji Maltin u Għawdxin anki waqt pandemija.
Intqal li dan joffri bażi soda ħafna fuq il-pilastri msemmija.
Id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, Daniel Micallef tenna li l-manifest elettorali tal-Partit Laburista huwa wieħed ambizzjuż u li se jkompli jdawwar sfidi f’opportunitajiet.
Hawnhekk issemma’ li diġà tħabbru inizjattivi ambizzjużi bil-għan li jnaqqsu l-piżijiet minn fuq in-negozji; fost il-proposti hemm it-tnaqqis fit-taxxa korporattiva, minn 35% għal 25%.