Fid-dawl li l-Awtorità tal-ippjanar għaddejja bi proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar il-politika rurali, il-Partit Laburista qed jagħmel eżerċizzju ta’ konsultazzjoni. Dan sabiex il-pubbliku jingħata l-opportunità li jwassal l-ideat tiegħu li mbagħad ser ikunu mwassla quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar mill-Partit Laburista.
Fil-fatt waqt il-programm Sibt il-Punt fuq ONE Radio, il-pubbliku ngħata l-opportunità li jaqsam il-ħsibijiet tiegħu jew isaqsi kwalunkwe mistoqsija fuq din il-politika rurali.
Oriġinarjament kien hemm ippjanat li jsiru wkoll laqgħat mal-pubbliku iżda dan ma setax iseħħ sabiex jitnaqqas it-tifrix tal-Covid-19. Għal dan il-programm kien hemm preżenti id-deputat Mexxej tal-Partit Laburista Daniel Micallef flimkien mal-Ministri Aaron Farrugia u Anton Refalo.
Id-deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit tal-Partit Laburista Daniel Micallef stqarr li permezz ta’ dan l-eżerċizzju il-Partit Laburista qed jaċċerta li jieħu rwol attiv fi proċessi bħal dawn u jkun hu li jwassal il-messaġġ tal-pubbliku qabel jittieħdu deċiżjonijiet f’setturi daqstant importanti.
Is-Sur Micallef stqarr, “Bħala partit, bħall-Stakeholders oħrajn, inħossu li għandna nagħmlu outreach mal-pubbliku ġenerali, mal-persuni kkonċernati, jekk nieħdu din il-politika bħala eżempju, għandek il-bdiewa, għandek ir-raħħala, għandek l-ambjentalisti. Bl-outreach li għamilna minkejja l-limitazzjonijiet anke minħabba l-kwistjoni tas-saħħa pubblika, kellna diversi persuni li through il-Partit Laburista wasslu l-ideat jew il-concerns jew affarijet li jixtiequ jaraw introdotti min-naħa tagħhom.”