F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Partit Laburista analizza d-diskorsi taż-żewġ kapijiet tal-partiti politiċi ewlenin f’pajjiżna dwar il-Budget.
Il-Ministru Byron Camilleri qal li ż-żewġ diskorsi jikkuntrastaw ħafna; b’Bernard Grech uża ton negattiv assoċjat ma’ politika li tħares biss lejn il-passat u Prim Ministru li wera l-viżjoni tiegħu ta’ fejn jixtieq jieħu lil dan il-pajjiż b’mod realistiku u b’rikonoxximent għall-isfidi li għandu pajjiżna llum.
Hu qal, “In-nies jafu kif aħna bħala Gvern Laburista ħadna deċiżjonijiet waqt pandemija. Deċiżjonijiet dwar kollox iżda b’mod primarju mil-lenti ta’ saħħa u allura n-nies iridu jagħżlu bejn dak li għamel dan il-Gvern fis-saħħa u dak li għamel ħaddieħor. Sa ftit tax-xhur ilu kienu għadhom jgħidulna li l-vaċċin mhux is-soluzzjoni u naħseb illum kulħadd jaf min spiċċa jittieħed bis-serjetà fuq id-dikjarazzjoni li għamel.”
Il-kandidata Cressida Galea nnutat kif filwaqt li pajjiżi ġirien b’popolazzjonijiet ferm ikbar minn tagħna qed jissikkaw iċ-ċinturin, f’Malta tħabbar Budget ieħor bla taxxi.
Hija stqarret: “Il-mira tal-Prim Ministru hija li kull sena, il-poplu jkun aħjar mis-sena ta’ qabel u li Malta tkun ċentru ta’ eċċellenza. Rajna kif dan il- Budget ser ikun qed iħalli l-akbar investiment fl-infrastruttura, l-akbar investiment fis-sigurtà soċjali u l-akbar investiment fl-ambjent, l-edukazzjoni u s-saħħa tagħna l-Maltin u l-Għawdxin.”
Il-President tal-Partit Laburista, Ramona Attard fakkret kif Gvern Laburista biddel il-mod ta’ kif il-poplu jkun qed jistenna l-Budget.
Irrimarkat li filwaqt li għal Bernard Grech, dan il-Budget “jaħli” u “jonfoq”, Gvern Laburista jista’ jserraħ ras il-poplu li dejjem jindirizza l-isfidi tiegħu.
Hija saħqet: “B’li qed jgħidilna li huwa ħelu u tberbiq tal-flus, dak ifisser li għad hemm l-istess mentalità fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. Dik il-mentalità t’awsterità. Dak ifisser li kieku Bernard Grech ikun Prim Ministru, ma jkun hemmx trasport pubbliku b’xejn għax dak huwa ħela, ma jiżdidux l-istipendji għax dawk huma ħela, ma jkunx hemm diversi miżuri ambjentali għax huma ħela, ma jiżdidux il-pensjonijiet u diversi miżuri oħra.”
It-tliet kelliema nnutaw li d-differenza ewlenija bejn il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni hija l-kredibilità.
Kap tal-Oppożizzjoni li jgħid li l-miżuri huma ħela ta’ flus u Prim Ministru u Gvern li jagħtu kull opportunità biex kulħadd jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu.