B’reazzjoni għall-intervista ta’ Bernard Grech il-Ħadd filgħodu, il-Partit Laburista qal li l-Kap Nazzjonalista “reġa’ wera li kapaċi jinżel fl-iktar livelli baxxi biex jagħmel l-argumenti partiġjani tiegħu.”
Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li fil-Parlament, il-Gvern reġa’ kien ċar fuq l-għajta għall-ġustizzja fil-każ Jean Paul Sofia. Għajta għall-ġustizzja li titlob li l-investigazzjonijiet li għaddejjin, fuq quddiem nett l-inkjesta Maġisterjali, jitlestew fl-iqsar żmien sabiex kull min hu responsabbli jwieġeb għal għemilu.
Intant dwar suġġetti oħra li tkellem dwarhom Grech, il-Partit Laburista qal li l-Kap Nazzjonalista reġa’ wera li l-politika tiegħu hi mibnija fuq il-manifest mimli żbalji ta’ qabel l-aħħar elezzjoni, biex baqa’ m’għandu l-ebda proposti konkreti u fi kliem ieħor baqa’ ma tgħallem xejn.
“Tant ma tgħallem xejn li filwaqt li jitkellem fuq l-inflazzjoni, jgħid li l-għajnuna fl-enerġija mhux sostenibbli u meta l-prezzijiet jogħlew barra jridu jogħlew Malta,” temm jgħid il-Partit Laburista.