Il-Partit Laburista se jagħti s-sehem tiegħu matul il-Europride, li se tibda tittella’ f’pajjiżna mil-lum.
Dan hekk kif fergħat fi ħdanu wkoll se jkunu attivi b’taħditiet dwar suġġetti importanti u li jaffettwaw il-ħajja inġenerali.
Fil-fatt nhar il-Ħamis, 14 ta’ Settembru li ġej, fis-sebgħa ta’ filgħaxija, il-Pride Village, li se jintrama fi Pjazza Tritoni, il-Belt Valletta, se jkun hemm diskussjoni dwar is-surrogazija mill-fergħa Nisa Laburisti.
“Fil-panel tagħna se jkollna diversi nies min-naħa tal-professjoni medika, min-naħa tal-etika u xi ħadd li għadda minn din l-esperjenza. Allura se jkollna dibattitu kemmxejn interessanti u nittamaw li minn dan id-dibattitu joħroġ anke forsi xi tibdil li nistgħu nagħmlu aħna biex inkomplu naraw il-Gvern jitkellem dwar dan is-suġġett ukoll.”
Nikita Zammit Alamango – President Nisa Laburisti
L-għada, il-Ġimgħa, 15 ta’ Settembru, fis-sebgħa u nofs ta’ filgħaxija, iż-Żgħażagħ Laburisti flimkien ma’ Equality Labour se jorganizzaw attività oħra ta’ diskussjoni. Din id-darba dwar il-bidla meħtieġa fil-mentalità fejn jidħlu drittijiet ta’ persuni LGBTIQ+.
“Id-diskussjoni ħa tkun importanti ħafna, għax fl-aħħar mill-aħħar ksibna ħafna fejn jidħlu drittijiet u liġijiet, imma baqa’ aktar x’niksbu fejn tidħol il-mentalità u permezz tal-edukazzjoni, wieħed jista’ jqajjem aktar għarfien, iqajjem aktar kuxjenza dwar aktar realtajiet fis-soċjetà.”
Georvin Bugeja – President Żgħażagħ Laburisti
“Fejn se jkun hemm ukoll ġenitur li ħa tkun qed tiddiskuti l-esperjenza tagħha li għandha tifel, li llum għandu 25 sena u se tiddiskuti l-esperjenza kif kienet tul iż-żminijiet, ovvjament trabba u kiber fi żmien differenti minn tal-lum.”
Oriana Farrugia – Equality Labour