Hekk kif ingħaddu aktar minn 90% tal-voti, jidher li l-elezzjoni fi Greenland intrebħet mill-partit fl-oppożizzjoni Demokraatit. Dan il-partit, li jidher ġab madwaar 30% tal-voti, huwa favur il-mixja gradwali lejn l-indipendenza tal-pajjiż.
Skont uffiċjali tal-elezzjoni, partit ieħor fl-oppożizzjoni, Naleraq, li jrid li tiskatta immedjatament il-proċedura għall-indipendenza mid-Danimarka u li jkollhom rabtiet aktar sodi mal-Istati Uniti, qed jieħu t-tieni preferenza tal-elettorat b’madwar 25% tal-voti.
Il-partit fil-gvern Inuit Ataqatigiit, immexxi mill-Prim Ministru Mute B Egede, kien it-tielet preferenza b’aktar minn 21% tal-elettorat.
Greenland, li hija l-akbar gżira fid-dinja sitwata bejn l-Oċejan Artiku u Atlantiku, ilha kkontrollata mid-Danimarka għall-aktar minn 300 sena minkejja l-fatt li tinsab kważi tliet elef kilometru ’l bogħod.
Madwar 44,000 ċittadin minn popolazzjoni ta’ 57,000 kienu eliġibbli biex jivvutaw sabiex ikunu eletti 31 membru parlamentari kif ukoll il-gvern lokali. Din l-elezzjoni kienet ikkontestata minn 6 partiti.
Greenland ilha fil-mira tal-President Amerikan Donald Trump sa mill-ewwel mandat tiegħu fejn anke ddikjara li b’mod jew ieħor se jakkwistaha hekk kif qed isostni li għandu bżonnha għas-sigurtà nazzjonali.
Il-mexxejja ta’ Greenland u d-Danimarka dejjem qalulu li l-gżira mhiex għal bejgh u għandu juri rispett lejn iċ-ċittadini.