Il-proġett li se jsir fiż-żona magħrufa taċ-Ċawla fir-Rabat Għawdex, se jara li jiġi mmodernizzat l-ispazju pubbliku u anke tiżdied l-akkomodazzjoni soċjali.
Dan tħabbar mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri li spjega kif il-proġett għandu binja żgħira ta’ akkomodazzjoni soċjali biex f’Għawdex ukoll ikunu megħjuna familji li jeħtieġu appoġġ soċjali, filwaqt li l-parti l-kbira tal-proġett hi maħsuba biex ikun riġenerat l-ispazju pubbliku sabiex ir-residenti u l-familji f’taċ-Ċawla jkollhom żona rikreattiva akbar u iżjed adegwata.
Il-permess mill-Awtorità tal-Ippjanar għal dan ix-xogħol fiz-żona kien approvat lura fl-2019 u eventwalment ħarġu s-sejħiet għall-offerti biex dan ix-xogħol ikun jista’ jsir.
Dan il-proġett ħolistiku se jsir fuq medda ta’ art ta’ 3,750 metru kwadru fejn 330 metru kwadru, jew aħjar anqas minn 9% tal-ispazju eżistenti biss ser ikun iddedikat għall-akkomodazzjoni soċjali li tikkonsisti fi tmien appartamenti.
Il-kumplament tal-ispazju, dak ta’ tliet tomniet, ser jiġi ġġenerat kif spjegat fil-proġett bi playing field, outdoor gyms, recreational area b’water features kif ukoll landscaping estensiv.
Barra minn hekk, dan il-proġett ser ikun qed jindirizza wkoll il-ħtieġa li jimmodernizza u jkabbar il-football pitch eżistenti wkoll fejn se jkun qiegħed jitkabbar b’150 metru kwadru għal 850 metru kwadru u dan sabiex ikun jista’ jintuża aħjar kemm għal sezzjonijiet ta’ taħriġ mill-Victoria Hotspurs kif ukoll mir-residenti taż-żona.
F’dan il-proġett mhux biss se jkun assigurat li l-ebda siġra ma titneħħa iżda għall-kuntrarju ser jiżdiedu kemm is-siġar fiz-żona kif ukoll ammont ta’ arbuxelli. Barra minn hekk, ser tiġi installata sistema ta’ dawl ġdida u faċilitajiet oħra sabiex jitgawdew mit-tfal u mir-residenti taż-żona.
Apparti dan żona oħra ta’ 775 metru kwadru li tinsab fi Triq Anton Tabone, fl-akkwati taċ-Ċawla, u li kienet mitluqa għal diversi snin se tiġi riġenerata u tinbidel fi spazju miftuħ ieħor biex jitgawda mill-familji. Dan il-proġett hu kumplimentari għall-viżjoni tal-Gvern biex joħloq aktar spazji rikreattivi.