Il-parteċipanti tas-seba’ programm ta’ LEAD ltaqgħu mal-Prim Ministru Robert Abela fejn miegħu ddiskutew diversi temi attwali.
Il-parteċipanti, li ġejjin minn oqsma diversi tal-ħajja, mhux biss tkellmu dwar l-esperjenza li tahom il-programm LEAD iżda qajmu diversi punti dwar il-politika tal-gvern u għaddew ukoll numru ta’ suġġerimenti.
Il-Prim Ministru Robert Abela ferħilhom għal parteċipazzjoni tagħhom fil-programm u ħeġġiġhom jibqgħu attivi fil-politika billi issa jagħmlu l-pass li jmiss. Dan biex l-għarfien li ġabu u jġibu mill-karrieri rispettivi tagħhom, u l-esperjenza ta’ dan il-programm isarfuhom f’xogħol lejn is-soċjetà fid-diversi oqsma tagħha. Biex permezz tal-politika jagħmlu differenza pożittiva fil-ħajja tan-nies.
Bħalissa hemm sejħa oħra miftuħa għal programm ġdid ta’ LEAD.
Il-Ministru Miriam Dalli, li tikkordina dan il-programm, spjegat kif: “għexieren ta’ tfajliet u nisa pparteċipaw f’LEAD u ħafna komplew bil-kontribut tagħhom, fosthom hemm min illum jinsab fil-Kabinett u fil-Parlament, persuni oħra jirrappreżentaw il-komunità fuq livell lokali, filwaqt li oħrajn baqgħu jikkontribwixxu fil-volontarjat u s-soċjetà ċivili fost oħrajn. LEAD jagħti wkoll struttura ta’ networking fejn nisa jaħdmu flimkien għal għanijiet komuni. Għalhekk inħeġġeġ lil kull min hu interessat fil-ħajja pubblika, fid-diversi forom tagħha, biex japplika fis-sejħa li hemm miftuħa bħalissa.”