Waqt konferenza stampa mmexxija mill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia, il-Parlament ta’ Malta u l-Malta Employers’ Association (MEA) nedew il-ktieb intitolat Ir-Rata Baxxa tat-Twelid f’Malta – Sfida Eżistenzjali.
Ktieb li fih jiġbor l-interventi u l-kontribuzzjonijiet li saru mill-parteċipanti kollha tal-Konferenza Nazzjonali dwar ir-Rata Baxxa tat-Twelid f’Malta li saret f’Lulju 2023 fil-Parlament ta’ Malta b’kollaborazzjoni mal-Malta Employers’ Association (MEA).
L-Ispeaker saħaq fuq is-sehem ta’ għaqdiet bħal Malta Employers’ Association (MEA) u oħrajn bħala kollaboraturi tal-Parlament, li jwasslu l-veduti tal-imsieħba tagħhom dwar proposti kemm fuq l-aġenda tal-Parlament, iżda wkoll iressqu għad-diskussjoni aktar wiesgħa temi ta’ importanza nazzjonali.
Permezz tża’ din il-Konferenza Nazzjonali dwar ir-Rata Baxxa tat-Twelid f’Malta, il-parteċipanti kellhom l-opportunità jiddiskutu suġġett li joffri sfida eżistenzjali għal pajjiżna.
L-Ispeaker fakkar li l-imħabba li aħna Maltin u Għawdxin għandna lejn il-familj, għandha titqies bħala l-qofol ta’ kull soċjetà. Filwaqt li għamel dan, semma l-appell li kien sar biex tkun indirizzata l-problema tal-prezz tal-proprjetà u stqarr li minkejja l-ġid kollu li qed jagħmlu l-awtoritajiet fil-qasam soċjali, l-imġieba umana skorretta twassal biex jinħolqu ċirkustanzi li jistgħu iħarbtu l-iżvilupp uman.
Filwaqt li tkellmu dwar l-effett lir-rata baxxa tat-twelid jista’ jkollha fuq l-ekonomija u l-qagħda soċjali f’Malta, l-uffiċjali tal-Malta Employers’ Association (MEA) osservaw li l-età medja tal-ħaddiema Maltin qiegħda togħla u qed twassal biex is-suq tax-xogħol f’Malta jiddependi fuq ħaddiema barranin.
Il-konferenza kienet indirizzata mis-Sinjura Joanne Bondin u s-Sur Joseph Farrugia, President u Direttur Ġenerali rispettivi tal-Malta Employers’ Association – MEA, kif wkoll minn Claudette Buttigieg, Kelliema tal-Oppożizzjoni Pubblika, ix-Xandir Pubbliku u l-Ġlieda kontra d-Dijabete, u Malcolm Paul Agius Galea, Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva.