F’seduta Parlamentari qasira dalgħodu, l-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia qal li wara qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra, is-seduta ġiet posposta għal għada fis-2pm.
Dan wara li nirien li ħakmu partijiet tal-Parlament, ilbieraħ waranofsinhar, affettwaw is-server room. Dan wassal biex is-seduta skedata għal dalgħodu ma setgħetx tixxandar fuq l-istazzjon tal-Parlament.
L-Ispeaker tal-Parlament spjega li għaddejja ħidma sabiex din il-problema tissolva, waqt li għaddejja investigazzjoni biex tisstabbilixxi x’ġara f’dan l-inċident.
Dr Farrugia rringrazzja lill-ħaddiema tal-Parlament u kif ukoll il-forzi tal-ordni li rrispondew għal dan l-inċident.