Il-Partit Laburista qal li l-Parlament ma jistax ikun ostaġġ ta’ klikka li tmexxi lill-Partit Nazzjonalista.
Huwa qal dan fi stqarrija l-Ħadd b’reazzjoni għad-dikjarazzjoni tal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech f’intervista fuq il-midja tal-Partit Nazzjonalista b’rabta man-nomina tal-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi għall-kariga ta’ Kummissarju għall-Ħarsien tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Fil-fatt, il-Ħadd filgħodu l-Kap Nazzjonalista kompla jsostni kif il-Partit Nazzjonalista ħa jkompli jivvota kontra din in-nomina fil-Parlament.
Fl-istqarrija tiegħu, il-Partit Laburista sostna li f’kull okkażjoni li jkollu,
il-Kap tal-Oppożizzjoni qed jipprova jibqa’ jaħrab il-fatt li kien hu stess li qabel dwar in-nomina tal-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi.
Tant hu hekk li Bernard Grech mhux biss l-ewwel qabel li l-Prim Imħallef Emeritu jkun nominat għal din il-kariga, iżda meta għawġulu jdejh qal li kien qed jaqbel man-nomina tal-Prim Imħallef Emeritu għall-kariga ta’ Ombudsman.
Kariga tal-istess profil u importanza bħal dik ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika tant li din il-kariga tal-aħħar toħroġ mill-Kostituzzjoni ta’ Malta.
Għalhekk il-Partit Laburista baqa’ jsostni li l-attitudni tal-Kap tal-Oppożizzjoni hija waħda kapriċċjuża u għalhekk il-Parlament ma jistax ikun ostaġġ ta’ klikka li tmexxi lill-Partit Nazzjonalista minn wara l-kwinti. L-istess klikka li tgħawweġ idejn il-Kap.
Il-Partit Laburista rrimarka wkoll li jekk Bernard Grech komdu ostaġġ ta’ din il-klikka, dik tibqa’ affari tiegħu, madankollu, il-Parlament m’għandu qatt ikun ikun f’dan l-istat.
Intant, il-Partit Laburista qal ukoll li l-mekkaniżmu li qed jipproponi l-Gvern fil-ħatra ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika għandu l-għan li jwassal għal qbil b’żewġ terzi, b’tentattivi fil-Parlament għal dan il-għan isiru għal iktar minn darba.
Fl-istess ħin, joħloq żblokk biex il-kariga ma tibqax vakanti jekk ikun hemm attitudni kapriċjuża bħal dik tal-Kap tal-Oppożizzjoni.
Il-Partit Laburista temm l-istqarrija jgħid li fuq kollox, dak propost, hu l-istess mekkanizmu li kienet ipproponiet l-istess Oppożizzjoni f’dokumenti tagħha u l-Kummissjoni Venezja.
Fl-aħħar jiem l-għaqda Repubblika mmexxija minn Robert Aquilina, ħu d-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina u l-Partit Nazzjonalista, ħarġu kontra l-mekkaniżmu li qed jipproponi l-Gvern għall-ħatra ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.