Il-Parlament laqa’ taħdita fost numru ta’ akkademiċi u l-Ispeaker Anġlu Farrugia dwar is-sehem li kellu u li jista’ jkollu l-Parlament sabiex il-komunitajiet tagħna jkunu l-post li fih dawn ikunu jistgħu jisseddqu. Din l-attività ġiet organizzata mill-Uffiċċju tal-Ispeaker bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Parlament Malti li jfakkru l-100 sena anniversarju mit-twaqqif tal-Parlament Malti kif nafuh illum.
Is-simpożju kien immexxi mill-Professur Andrew Azzopardi u fih ħadu sehem l-Ispeaker Anġlu Farrugia, il-Prof. Ray Mangion, Dr Marie Briguglio u Dr Mario Thomas Vassallo.
Fid-diskors tal-ftuħ tiegħu l-Ispeaker Anġlu Farrugia għamel referenza għall-mixja demokratika tal-pajjiż, li wieħed mill-mumenti ewlenin tagħha kien proprju l-għotja tal-Kostituzzjoni tas-Self-Government fl-1921, ftit snin biss wara l-inċidenti koroh tas-Sette Giugno 1919. Huwa tkellem ukoll dwar kif il-Parlament maż-żmien evolva sabiex ikun istituzzjoni dejjem aktar miftuħa u trasparenti fil-ħidma tagħha, u saħaq li dan għandu jkun ikkumplimentat b’aġir dinjituż mill-membri parlamentari u wkoll minn rappurtaġġ ġust u korrett mill-midja.
Il-Prof. Andrew Azzopardi esprima l-ħsibijiet tiegħu dwar ir-relazzjoni bejn il-poplu u l-politika, u argumenta dwar il-bżonn li l-poplu mhux biss jingħata vuċi dejjem aktar b’saħħitha, imma aktar importanti minn hekk illi din il-vuċi tingħata widen.
Min-naħa tagħha, Dr Marie Briguglio tkellmet dwar il-kunċett tal-‘post’ fejn jiltaqgħu l-komunitajiet u l-bżonn li l-ambjent fiżiku li jinsabu fih ikun wieħed li jirrispetta l-ġid komuni, u li dan għandu dejjem jisboq il-ġid privat.
Filwaqt li Dr Mario Thomas Vassallo tkellem dwar kif il-każini tal-banda kienu strumentali, anke 100 sena ilu, sabiex il-komunitajiet ikollhom sehem fit-tmexxija fil-komunità immedjata tagħhom, iservu ta’ lok għall-attiviżmu politiku, u jsostnu l-iżvilupp tas-sens ċiviku tal-poplu.
Il-Prof. Ray Mangion tkellem dwar il-bżonn li s-sedqa fil-poplu twassal għall-għaqda, u għalhekk enfassiza r-rwol li għandu l-Parlament li jgħaqqad il-poplu. Huwa tkellem ukoll dwar il-bżonn li jsiru emendi leġiżlattivi u kostituzzjonali sabiex l-imġiba ta’ persuni fil-ħajja pubblika tkun waħda dejjem aktar denja. Huwa argumenta wkoll li l-ambjent u l-ġurnaliżmu għandhom isibu posthom fil-Kostituzzjoni ta’ Malta.
Fi tmiem it-taħdita saret it-tnedija tal-munita kommemorativa li nħarġet mill-Bank Ċentrali ta’ Malti flimkien mal-Parlament ta’ Malta biex jitfakkar iċ-Ċentenarju mill-Għoti tal-Kostituzzjoni tas-Self-Government fl-1921. Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, il-Prof. Edward Scicluna, ippreżenta din il-munita lill-Ispeaker Anġlu Farrugia.
Bħala ġest ta’ ringrazzjament lill-mistiedna, l-Ispeaker ippreżenta munita lill-akkademiċi li kkontribwixxew għat-taħdita li nżammet aktar kmieni.
Ritratti:SPK