Ftit tal-ħin ilu, il-Parlament ivvota favur l-ewwel qari dwar ir-riforma fl-inkjesti Maġisterjali.
Dan wara li fis-seduta tal-Erbgħa filgħaxija, il-Gvern ivvota favur u l-Oppożizzjoni vvotat kontra din ir-riforma li l-Partit Laburista wiegħed fil-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’.
Nhar il-Ħadd li għadda, il-Prim Ministru Robert Abela qal li din ir-riforma mhix se tnaqqas l-aċċess għall-ġustizzja, imma hi xprunata mill-ħsieb li ħadd ma jabbuża minnha bi proċess ġdid li jeleva l-imħallef u bi drittijiet ġodda għall-vittma.
F’okkażżjoni oħra l-Prim Ministru kien anke qal li permezz ta’ dan il-Gvern mhux se jxekkel il-ġustizzja, anzi fakkar kif kien Gvern Laburista li reħa poteri biex jinħatru Maġistrati, il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Qal li min ma jabbużax mill-ġustizzja m’għandux għalfejn jinkwieta minn din ir-riforma, mentri jrid jispiċċa l-abbuż minn dawk li l-ġustizzja jużawha għall-gwadann politiku u qed jirrovinaw ħajjet nies onesti.