Kif kien ġie mwiegħed fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista, fil-mitt jum min mindu bdiet leġiżlatura ġdida taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela, il-Parlament ivvota għal emendi iżjed b’saħħithom fil-liġi tal-IVF.
Minn naħa tal-Partit Nazzjonalista baqgħet tiddomina l-firda, minkejja kull sforz li sar biex il-grupp jidher magħqud.
Kien hemm id-deputati Adrian Delia, Ivan Bartolo u Alex Borg li vvotaw kontra l-proposti tal-Gvern. Sinjifikanti wkoll kienet l-assenza tad-deputati Chris Said u Carm Mifsud Bonnici, b’dan tal-aħħar ukoll kien iddikjara li hu kontra.
Jidher li m’attendiex ukoll id-deputat Jerome Caruana Cilia, li kien irrapportat li hu kontra.
L-emendi fil-liġijiet aktar b’saħħithom tal-IVF kienu waħda mill-wegħdiet ewlenin tal-Partit Laburista, waqt il-kampanja elettorali għall-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu li għadda. Il-Partit Laburista wiegħed li, fi żmien mitt jum ta’ Gvern Laburista ġdid, dawn l-emendi se jkunu għaddew mill-Parlament.
Fost l-emendi hemm li jiżdiedu n-nies li jgawdu mill-proċess tal-IVF bla ħlas, bl-eta togħla għal ħamsa u erbgħin sena, jiżdiedu ċ-ċikli tal-IVF mingħajr ħlas u s-servizz jiġi offrut anki lil min diġa għandu l-ewwel wild.
Dawn l-emendi se jagħtu aktar aċċess lit-tobba u l-ispeċjalisti sabiex jagħmlu użu aħjar mill-aħħar teknoloġija medika biex jiġu evitati stejjer ta’ qsim il-qalb, meta jkun hemm ċertezza li t-trabi jmutu fi ftit ġimgħat jew xhur wara li jkunu twieldu.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne, tkellem fil-Parlament u qal li l-kelma tal-Gvern Laburista hija fatt.
AQRA AKTAR: