Għaddew mill-Parlament l-emendi legali li ser iħarrxu l-pieni fuq min jattakka uffiċjali pubbliċi. Emendi li jfissru li ebda każ fejn persuna tkun aggrediet pulizija jew uffiċjal pubbliku waqt il-qadi ta’ dmirijietu m’għandu jitlaq mill-Qorti b’sentenza sospiża filwaqt li qed inħarrxu l-multi u l-pieni ta’ ħabs biex nagħtu lok li l-Qorti tkun iktar iebsa fejn tħoss il-ħtieġa li tagħmel dan.
Matul il-proċess Parlamentari, il-Ministru Byron Camilleri fisser dawn l-emendi bħala għodda msaħħa għall-Qorti biex taħdem, dejjem skont iċ-ċirkostanzi partikolari ta’ dak il-każ, u li fuq kollox qegħdin jibagħtu messaġġ qawwi favur il-forzi tal-ordni tagħna, favur l-istima lejn l-uniformi u d-dixxiplina.
Il-Ministru fisser kif fl-aħħar erba’ snin, rajna kif il-vjolenza fuq il-Pulizija naqset b’67%, anke għaliex investejna fihom u fir-riżorsi li jużaw. Iżda li dan ma waqqafx lill-Gvern milli jressaq ’il quddiem dawn l-emendi legali. “Kien ikun faċli li nikkundannaw l-aħħar każijiet li kellna biss, imma għalina anke jekk jifdal każ wieħed ta’ uffiċjal li ħareġ iwettaq dmiru u safa aggredit, għalina ma jkunx aċċettabbli. Għaldaqstant, b’dawn l-emendi legali li ser jidħlu fis-seħħ qed inżidu d-deterrent.”
L-emendi legali kif għaddew mill-Parlament huma kif ġej:
• Meta l-offiża hija ta’ inġurju, theddid jew offiża fuq il-persuna, il-multa minima ser tiżdied minn €800 għal €1,200. Il-multa massima ser tiżdied minn €5,000 għal €7,500.
• Meta l-attakk jew ir-reżistenza bi vjolenza jsir minn persuna jew minn żewġ persuni, il-piena ta’ priġunerija ser tiżdied minn minimu ta’ sitt xhur għal minimu ta’ sena u minn massimu ta’ sentejn għal massimu ta’ erba’ snin filwaqt li l-multa minima ser tiżdied minn €4,000 għal €6,000 u dik massima ser tiżdied minn €10,000 għal €15,000.
• Meta l-attakk jew ir-reżistenza bi vjolenza ssir minn tliet persuni jew aktar, il-piena ta’ priġunerija ser tiżdied minn minimu ta’ disa’ xhur għal minimu ta’ sena u nofs u minn massimu ta’ tliet snin għal massimu ta’ sitt snin filwaqt li l-multa minima ser tiżdied minn €5,000 għal €7,500 u dik massima ser tiżdied minn €15,000 għal €22,500.
• Meta fl-attakk jew ir-reżistenza tintuża arma, il-piena ta’ priġunerija ser tiżdied minn minimu ta’ sena għal minimu ta’ sena u nofs u minn massimu ta’ erba’ snin għal massimu ta’ sitt snin filwaqt li l-multa minima ser tiżdied minn €8,000 għal €12,000 u dik massima ser tiżdied minn €20,000 għal €30,000.
• Meta dawn l-offiżi, jinkludu vjolenza pubblika, il-piena ta’ priġunerija ser tiżdied minn minimu ta’ sentejn għal minimu ta’ tliet snin u minn massimu ta’ ħames snin għal massimu ta’ seba’ snin filwaqt li ser nintroduċu wkoll il-multi, b’dik minima ser tkun ta’ €10,000 u dik massima ta’ €25,000.