Ftit tal-ħin ilu, il-Parlament ivvota fuq il-mozzjoni mressqa bl-emendi min-naħa tal-Gvern biex ikun hemm ġustizzja fil-każ ta’ Jean Paul Sofia. Din għaddiet b’40 vot favur u 32 kontra.
Sofia miet f’Diċembru li għadda fil-Qasam Industrijali ta’ Kordin, wara li ġġarfet binja li kienet qed tinbena.
Intant, fi stqarrija llejla l-Partit Laburista qal li fil-każ ta’ Jean Paul Sofia jeħtieġ li jkun hemm ġustizzja sħiħa li ma tħares lejn wiċċ ħadd.
“Hu għal din il-ġustizzja li fil-Parlament vvota l-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista meta esiġa li kull min għandu xi responsabbiltà kriminali u/jew ċivili u/jew amministrattiva għandu jwieġeb għal għemilu, inkluż quddiem il-Qrati tal-Ġustizzja ta’ Malta”, sostna l-Partit Laburista.
Għalhekk, il-vot tal-lejla, kien ukoll vot biex il-Parlament jingħaqad mal-appell li l-Prim Ministru għamel lill-Prim Imħallef fit-13 ta’ April li għadda biex bl-eżerċizzju tas-setgħat u prerogattivi tiegħu jiżgura li din l-inkjesta Maġisterjali tingħalaq biex il-kors tal-ġustizzja jimxi ’l quddiem u kull min kien responsabbli għall-akkadut, iwieġeb għal għemilu.
Il-vot tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista ħeġġeġ ukoll lill-awtoritajiet investigattivi biex sa fejn huwa possibbli u legali jżommu lill-familja ta’ Jean Paul Sofia aġġornata bl-iżviluppi fl-investigazzjoni, kif ukoll biex fl-iqsar żmien possibbli jikkonkludu kull inkjesta pendenti marbuta mal-mewt traġika ta’ ħaddiema fuq il-post tax-xogħol.
“Il-vot tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista jirreferi wkoll lill-Gvern għar-rapport indipendenti dwar is-settur tal-kostruzzjoni magħruf bħala r-Rapport Quintano, li kien sar mill-Imħallef Lawrence Quintano u esperti oħra. Filwaqt li l-Parlament innota li l-Gvern implimenta u qed ikompli jimplimenta numru ta’ rakkomandazzjonijiet minn dan ir-rapport, titlob li dan ir-ritmu ta’ implimentazzjoni jkompli,” temm jgħid il-Partit Laburista.