In-Nutar Myriam Spiteri Debono se tkun il-ħdax-il President ta’ Malta, it-tielet President mara u l-ewwel President mara Għawdxija.
Dan meta llejla ż-żewġ naħat tal-Kamra, jiġifieri kemm il-Gvern u anki l-Oppożizzjoni vvotaw dwar in-nomina tan-Nutar Spiteri Debono, li għandha 71 sena u kienet Speaker tal-Parlament bejn l-1996 u l-1998.
Fil-Parlament, 75 ivvotaw favur, waqt li ħadd ma vvota kontra.
Is-seduta tal-lejla fil-Parlament kienet waħda storika, wara riforma li ddaħħlet minn Gvern Laburista mmexxi mill-Prim Ministru Robert Abela f’Lulju tal-2020. Dan bħala parti minn kullana ta’ riformi li ddaħħlu minn din l-amministrazzjoni.
Dwar is-suċċessur tal-President George Vella ried ikun hemm qbil minn aktar minn żewġ terzi tal-Parlament, li jfisser qbil bejn iż-żewġ partiti.
Ġurnata qabel dan il-vot importanti, inħarġet stqarrija konġunta mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Uffiċċju tal-Kap tal-Oppożizzjoni. L-ewwel il-qbil kien bejn il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni waqt laqgħat li kellhom, ftehim li mbagħad ġie ssiġillat f’laqgħat separati tal-Grupp Parlamentari rispettivi.
Minkejja li mhix parti mir-riforma, il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni qablu wkoll li, meta jkun meħtieġ li jinħatar Aġent President, il-Prim Ministru jipproponi lill-eks Ministru Nazzjonalista Francis Zammit Dimech.