Il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi, il-PAC, talab lix-Shift News u l-Lovin’ Malta biex jikkoreġu rapporti żbaljati li ppubblikaw dwar il-Kummissjoni Maltija tal-Films u l-Kummissarju Johann Grech.
Skont il-PAC, f’ebda ħin il-kumitat ma qal li kien hemm €4 miljun f’fondi pubbliċi li kienu “unaccounted for.”
L-ispjegazzjonijiet ipprovduti kemm mill-Film Commission kif ukoll mill-Awditur Ġenerali nnifsu kkonfermaw, b’mod ċar, li l-fondi kollha kienu rrapportati u li ma kien hemm l-ebda ammont ta’ flus nieqes jew mhux spjegat.
Minbarra hekk, fl-aħħar seduta tal-PAC, l-Awditur Charles Deguara qal li awditur indipendenti vverifika li dawn il-fondi ntużaw skont il-parametri stabbiliti u ma dehrux fil-kotba tal-Kummissjoni għax tħallsu direttament mill-Ministeru konċernat.
“Għamilna l-homework tagħna u sibna li hemm issue ta’ accounting, għax dak iż-żmien dawn il-fondi kienu joħorġu direttament mill-Ministeru u aħna rajna l-accounts tal-Film Commission mhux Ministeru.”
Charles Deguara, Awditur Ġenerali
Il-fondi kienu relatati ma’ investiment kapitali u l-awditur indipendenti kkonferma li l-fondi ntefqu skont l-iskop li għalihom kienu allokati.
Din it-talba għal korrezzjoni saret wara rapport ppubblikat mix-Shift News, li ma kien iffirmat minn ebda ġurnalist.
Ix-Shift News hu mmexxi minn Caroline Muscat, li mit-Times kienet saret l-campaign manager ta’ Simon Busuttil, dak iż-żmien bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, u wara l-akbar telfa elettorali sa dak iż-żmien telqet mir-rwol fdat lilha.
Ir-rapport l-ieħor li għamel referenza għalih il-PAC kien tal-Lovin’ Malta, fejn anke hawn il-kumitat Parlamentari ġibed l-attenzjoni li kien skorrett meta tkellem dwar xi miljuni ta’ ewro neqsin.
Dawn is-siti, minflok ivverifikaw il-korrettezza tas-suppożizzjoni tagħhom li l-flus huma “unaccounted for”, għażlu li jmexxu b’rapporti, li llum ġew ipprovati li huma foloz.
Skont il-membri kollha tal-PAC, inklużi tal-Partit Nazzjonalista, dawn l-allegazzjonijiet kienu żbaljati u taw stampa skorretta dwar il-ġestjoni ta’ dawn il-flus.
Għalhekk, il-PAC se jkun qed jikteb liż-żewġ siti tal-aħbarijiet biex jikkoreġu din l-informazzjoni u jiġbdu l-attenzjoni ta’ dan in-nuqqas serju.