Il-parlament illejla kkundanna i-qtil ta’ 50 persuna wara sparaturi f’diskoteka f’Orlando, fi Florida, l-Istati Unti il-bieraħ fil-għaxija.
Il-Prim Ministru, f’isem il-gvern u l-kumplament tal-Kamra, sellem il-memorja tal-vittmi tal-massakkru. Huwa qal li dak li ġara xxokkja lil kulħadd u d-dinja kollha tinsab inkwenatat b’dak li ġara.
Muscat qal li dan l-attakk terroristiku m’għandux jitqies bħala attakk terroristiku normali, li jiġi attakkat biss post pubbliku. Huwa qal li ħadd m’għandu jnaqqas mill-gravità li fil-mira kien hemm persuni LGBTI li kienu fil-post. Huwa qal li jaħseb li minnu nnifsu, l-attakk juri l-preġudizzju li għadu jeżisti fid-dinja fuq il-persuni LGBTI.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni assoċja ruħu ma’ dak li qal il-Prim Ministru u f’isem l-Oppożizzjoni huwa wkoll ikkundanna bla riserbvi l-massakkru.
Busuttil qal li llum bagħat ittra ta’ kondoljanzi lill-Ambaxxatur tal-Istati Uniti u filwaqt li ngħaqad ma’ dak li qal il-Prim Ministru, wassal is-solidarjetà tiegħu mal-poplu Amerikan u mal-familjarji tal-vittmi li nqatlu intortament.
L-Aġent Speaker Ċensu Galea ingħaqad mal-Gvern u l-Oppożizzjoni fis-sentimenti ta’ niket li esprimew.