Fil-ġimgħat li ġejjin, dak li s’issa kien qed iservi ta’ foyer għall-pubbliku fil-binja tal-Parlament, issa se jinbidel f’ studio għall-programmi televiżivi.
Permezz tal-liġi li għaddiet fil ħamsa t’Awwissu, kull attività organizzata mill-uffiċju tal-ispeaker fil-binja tal-parlament, se tibda tixxandar permezz ta’ studio ġdid fil-parlament stess.
Il-liġi ma tagħtix il-fakulta li l-istudio jilqa’ fih attivitajiet ta’ politika partiġġjana, iżda marbut biss m’ attivitajiet imtella’ mill-Parlament. Eżempju ta’ kif se jintuża l-istudio hija li jingħata tagħrif dwar xi ezebizzjoni li tkun qed issir fil-Parlament u diskussjoni dwar l-andament ġenerali tal-kumitati.
L-ispeaker saħaq li l-istudio se jkollu rwol importanti fil-Presidenza Ewropea fejn jistgħu jitwasslu laqgħat u diskussjonijiet b’rabta mal-kumitati. Dan bil-għan li titkattar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku u jiżdied l-entużjażmu fost il-pubbliku.
L-istudio se jkun fl-entratura tal-binja tal-Parlament, biex iħajjar iktar nies jidħlu jarawh live u bħala simbolu ta’ trasparenza. S’issa mhemmx skeda fissa ta’ programmi iżda l-pubbliku jista jgħaddi s-suġġerimenti għall-programmi li jmorru lil hinn mill-edizzjonijiet speċjali.