Wara li ħabbar il-kabinett il-ġdid, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-ewwel seduta formali tal-Parlament se tkun qed issir is-Sibt fl-24 ta’ Ġunju, fejn spjega kif il-Parlament mistenni li jdum jiltaqa’ sal-ewwel ġimgħa ta’ Awwissu sabiex jitlesta x-xogħol li tħalla mhux konkluż fil-leġiżlatura li għaddiet.
Il-Prim Ministru spjega kif is-Sibt li ġej bħala Partit Laburista se jkun qed jiġi deċiż id-distretti li se jkunu qed iċedu s-seba’ Membri Parlamentari li ġew eletti minn żewġ distretti. Fejn bħala Mexxej tal-PL, Muscat qal li l-PL m’għandux sistema li dak li jkun jiddeċiedi hu liema siġġu se jċedi iżda hemm sistema statutorja li jitlaqqa’ l-Eżekuttiv Nazzjonali flimkien mal-grupp Parlamentari fejn issir votazzjoni sigrieta dwar liema siġġijiet għandhom jiġu ċeduti.
Wara l-PL se jkun qed jagħti indikazzjoni formali lill-Kummissjoni Elettorali s-Sibt li ġej stess, u tinfetaħ applikazzjoni t-Tnejn ta’ wara. Hi f’idejn il-Kummissjoni biex imbagħad tara meta se tkun qed issir l-elezzjoni każwali bejn is-Sibt ta’ wara u t-Tnejn.
Il-Prim Ministru qal li l-Parlament se jkun qed jiftaħ is-Sibt 24 ta’ Ġunju b’ċerimonja fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann u wara jsir id-diskors tal-President. Dwar dan Muscat qal li se jkun qed iħares biex issir diskussjoni mal-President fejn sostna li kif dejjem qal, il-Gvern se jkun qed jitgħallem mill-iżbalji ta’ qabel. Dan minħabba li fil-leġiżlatura ta’ qabel kien hemm kontroversja fejn għalkemm il-Gvern għamel kif dejjem sar, kien hemm min qal li d-diskors tal-President kien ippolitiċizzat aktar milli kellu jkun.
Sostna li minkejja li l-Kostituzzjoni ma tobbligahomx biex jagħmlu dan, il-Prim Ministru se jkun qed iħares ‘il quddiem fejn fil-jiem li ġejjin se jimbarkaw f’diskussjonijiet mal-Uffiċċju tal-President biex isir skambju ta’ ideat dwar id-diskors li se tkun qed tagħmel il-President.