Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Julia Farrugia Portelli, ressqet abbozz ta’ liġi għat-tieni qari fil-Parlament kontra kull tip ta’ sterilizzazzjoni forzata f’pajjiżna. Dan jagħmel lil Malta l-11-il stat membru fl-Unjoni Ewropea li se jkun qed jipprojbixxi totalment tali prattika kirurġika.
Fl-indirizz tagħha lill-Kamra tad-Deputati, il-Ministru qalet li l-isterilizzazzjoni forzata hi proċedura fejn issir operazzjoni mingħajr il-kunsens ta’ persuna, biex l-organi riproduttivi tagħha ma jibqgħux jaħdmu.
Pereżempju, jitneħħa l-utru ta’ mara, jew issir ‘vasectomy’ fuq raġel. Dan isir, għax xi ħadd jiddeċiedi, minflok il-persuna li din m’għandu qatt ikollha tfal.
Farrugia Portelli tenniet li, minnha, jista’ jisfa vittma kulħadd, iżda l-aktar li huma f’riskju huma persuni b’diżabilità, partikolarment nisa b’diżabilità intellettwali.
Stqarret kif anke jekk persuna ma tixtieqx li jkollha t-tfal, ħadd m’għandu d-dritt jagħmel jedd fuq ġisimha u joħdilha xi ħaġa li hi tagħha, mingħajr il-kunsens tagħha.
Hi kkwotat lil Cristina Paradero, attivista b’diżabilità li għaddiet minn din il-proċedura kontra r-rieda tagħha u qalet li din ikkawżatilha diversi trawmi f’ħajjitha, tant li tħossha kompletament maqtugħa mid-dinja.
“Meta jkollok entità ta’ stoffa bħall-European Disability Forum tawgura li pajjiżek isir ‘leader’ fuq bażi Ewropea, wara li jkun ħadem għal tali liġi, nemmen li huwa ta’ unur, u ċertifikat b’saħħtu mmens għax-xogħol li qegħdin inwettqu flimkien f’din il-Kamra bħala Gvern f’dan il-pajjiż.”
Il-Ministru stqarret ukoll li, jekk mhux minħabba ċirkostanzi straordinarji, l-isterilizzazzjoni forzata m’għandha qatt titħalla ssir.
“Din il-liġi taħseb li sterilizzazzjoni titħalla ssir biss jekk ikun hemm neċessità medika straordinarja. U ħa nagħti eżempju ta’ dan l-istraordinarju x’jista’ jkun għax huma sitwazzjonijiet li ġraw, sitwazzjonijiet li jistgħu jibqgħu jiġru u allura f’dak is-sens irid jirrenja s-sens komun, bħal pereżempju ikun hemm kanċer fl-utru, jew pereżempju tfal ta’ ftit snin għandhom bżonn jieħdu r-raġġi.”
L-abbozz ta’ liġi propost se jwassal biex jiġi ddikjarat reat kriminali li xi ħadd jopera persuna, jitlob li ssir operazzjoni fuqha, jew jassisti f’din il-proċedura, mingħajr il-kunsens ta’ dik il-persuna.
Reat li, tiegħu, persuna tista’ teħel bejn ħamsa u disa’ snin ħabs jew aktar jekk ir-reat jinvolvi elementi bħal ingann u tixħim, kif ukoll multa ta’ bejn €8,000 u €20,000.