Il-Prim Ministru l-Erbgħa filgħaxija appella lill-Oppożizzjoni biex bħal ma vvutat favur l-importazzjoni u preskrizzjoni usa tal-marijuana medika, hekk issa għandha tivvota favur l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Produzzjoni tal-Kannabis għall-Użu Mediċinali.
Meta kien qed jitkellem fid-dibattitu dwar l-abboz fit-tieni qari, il-PM qal li din hija kwistjoni ta’ kuraġġ għax il-futur qed iseħħ quddiem għajnena u rridu nagħżlu jekk inħallux l-opportunitajiet jaħarbu minn idejna. “Aħna għandna l-fakultà, l-esperjenza u nafu nirregolaw għax qbilna flimkien li mhemm xejn ħazin biex il-caqnnabis għall-użu mediċinali tiġi importata u tqassam f’Malta. Issa bil-kontra. Nipproduċuha aħna u nesportawha.”
Huwa qal li dan hu l-punt tal-prinċipju.
Fil-bidu tad-diskors tiegħu Dr Muscat spjega li l-liġi mhux se tħalli li jiġu prodotti xi joints għall-użu rekreazzjonali. Dawn huma qtar jew gums taħt l-ilsien għal użu mediċinali. ”L-ebda tabib mhu ħa jiktiblek biex tmur tieħu joint” sostna l-Prim Ministru.
Huwa qal li fl-ewwel liġi kien diġa’ permess li tintuża l-marijuana għall-użu mediċinali iżda ried jikteb ir-riċetta speċjalista u dawn kienu xi ftit xettiċi għax ma kellhomx assigurazzjoni fuq dawn il-prodotti u ma riedux jaġħmlu ħsara lill-pazjenti. Issa daħħalna l-bżonn li biex jikteb it-taqtir jew gums ikollu l-assigurazzjoni ta’ standards internazzjonali.
Issa wasalna għat-tieni stadju, dak li nipproduċuha aħna u nesportawha; industrija li anke tħaddem lil Maltin u fiha element ekonomiku kbir.
Il-PM qal li f’kull qasam tal-mediċini hemm regolamenti stretti. Ħafna mill-prodotti fl-ispiżeriji huma ferm u ferm aktar perikolużi mill-cannabis. Kollox jorbot iżda fuq it-traceability tal-prodott jew kif tkun ċert kif impurtajt l-estrett tal-prodott lest għall-produzzjoni tal-mediċinali.
Il-kwistjoni tqajjem ċertu nervożiżmu fis-settur u hemm ċerti ideat żbaljati. Iżda l-verità hi li dawn l-opportunitajiet mhux se jibqagħu miftuħa għal dejjem. Bħalma l-gvern nazzjonalista kellu vizjoni dwar l-online gaming, illum il-gvern qed ipoġġi din il-liġi biex inkunu minn ta’ quddiem nett.
Huwa fiduċjuz li fl-Ewropa it-tiġrija diġa’ bdiet u kumpaniji globali multi nazzjonali huma fil-mira tal-kumpaniji tal-farmaċewrika li jridu jagħmlu takeover, u jikkonsolidaw.
Malta għandha vantaġġ, għandha strateġija ekonomika li għandha tkompli taħdem. La darba nieħdu deċizjoni kapaċi indawruha f’leġislazzjoni malajr f’sitt xhur meta ħaddieor jieħu sentejn jew tlieta. Il-ħeffa li biha jimxi r-regolatur hija favur Malta. Min ikun ta’ l-ewwel ikollu l-vantaġġ naturali f’dan is-suq.
Il-Prim Ministru tenna li din mhix xi liġi li xi ħadd se jkollu liċenzja biex ibiegħ il-joints. Id-diskussjoni fuq hekk għadna ma bdejnihiex. Għal dan trid issir liġi oħra u jekk ikun hemm xi ħadd minn dawn il-produtturi li jrid jidħol għaliha jrid japplika għal liċenzja oħra.
Dan l-abbozz jirrigwardja biss l-affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-mediċinali tal-cannabis. Mhux se sservi biex tagħti lokal għal xi ħaġa oħra.
Dr. Muscat qal li għall-produtturi l-kultivazzjoni f’ Malta ma tagħmilx sens għax irid idum jistenna l-prodott. Il-prodottur iġib iż-żejt u jaħdmu Malta. Għandu l-konfort li fi żmien qasir jingħata l-permess. Bħala eżempju semma kif Crane Currency bdiet taħdem fi żmien sena.
Madankollu l-liġi mhix teskludi l-produzzjoni. Dan ħadd mhu se jiżra’ f’serra jew għalqa. Irid ikun hemm sistemi ta’ sigurtà stretti u sistemi interni biex kollox jimxi sew bħal ma ġara f’dawn l-aħħar 40 sena fl-istampar tal-flus. Il-prodotturi globali jafu li l-pajjiz diġa’ għandu l-esperjenza kemm fis-sigurtà kif ukoll fil-management. Fil-farmaċewteka, uħud mill-materja prima li tintuza hija ferm u ferm aktar minn perikoluża minn kwalunkwe tip ta’ droga li tinsab fis-suq.
F’Malta il-liċenzja se toħroġ minn branka tas-Supretendent għas-Saħħa u l-Awtorita’ tal-Mediċini se tkun ir-regolatur f’dan il-qasam.