Il-Parlament Malti approva tliet liġijiet—l-atti li se jwaqqfu l-Awtorità għall-Innovazzjoni Diġitali, il-Liġi dwar l-Arranġamenti u s-Servizzi għat-Teknoloġija Innovattiva, u l-Att dwar l-Assi Finanzjarji Virtwali. Permezz ta’ dawn il-liġijiet se jkun qed jitwaqqaf l-ewwel qafas regolatorju għat-teknoloġija DLT, fosthom il-blockchain, fid-dinja.
Kienu bosta l-kumpaniji minn qabel m’għadda dan il-qafas regolatorju, l-ewwel tax-xorta tiegħu, li ħabbru li se jkunu qed joperaw minn pajjiżna.
Dawn l-investimenti se jwasslu għal aktar ġid u aktar xogħol għal pajjiżna.
Malta kienet pijuniera sabiex permezz tal-innovazzjoni tkompli ssostni l-ekonomija b’saħħitha tagħha, b’ħolqien ta’ niċċa ekonomika ġdida, li pajjiżi oħra, ferm akbar minna, qed iħarsu lejna sabiex jużaw bħala eżempju.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri, fisser dan il-pass bħala importanti ħafna għax permezz tiegħu se nkunu qed nagħtu l-għodda kollha neċessarji sabiex kumpaniji, li sal-lum kienu joperaw f’qasam mhux regolat, ikunu jistgħu jaħdmu f’settur regolat minn liġijiet b’saħħithom.
Dan kollu se joffri serħan il-moħħ mhux biss lill-investituri iżda anke lil dawk kollha li jużaw din it-teknoloġija ġdida li qed tbiddel id-dinja, qal Silvio Schembri.
Fl-aħħarnett is-Segretarju Parlamentari sostna li huwa ottimist li se jkunu ferm aktar il-kumpaniji li jersqu lejn Malta sabiex joperaw f’sistema li toffri stabbiltà u li se twassal għal aktar tkabbir ekonomiku.