Abbozz tal-Gvern għat-tisħiħ tal-Att dwar il-Ħarsien Ambjentali, b’iżjed parteċipazzjoni mill-pubbliku u l-għaqdiet ambjentali, u aktar trasparenza u effiċjenza fid-deċiżjonijiet ambjentali, ġie approvat mill-Parlament.
Permezz tal-emendi approvati, aktar laqgħat tal-Bord tal-ERA se jkunu miftuħin għall-pubbliku, li jiżdiedu ma’ laqgħat dwar Studji tal-Impatt Ambjentali u permessi tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali. Il-liġi l-ġdida se tippermetti l-parteċipazzjoni tal-pubbliku u għaqdiet ambjentali f’aktar deċiżjonijiet tal-Bord tal-ERA. Dan qed isir ukoll biex jiżdiedu l-kontabilità u t-trasparenza f’dawn id-deċiżjonijiet.
L-abbozz li ressaq il-Gvern ser jagħti wkoll is-saħħa lill-ERA li toħroġ ordnijiet ta’emerġenza għal azzjoni diretta li twaqqaf irregolaritajiet li jistgħu jikkawżaw theddid imminenti lill-ambjent, mingħajr il-bżonn li tistenna 15-il jum, hekk kif titlob il-liġi preżenti.
It-tibdil tal-Att dwar il-Ħarsien tal-Ambjent se jniedi wkoll Kummissjoni Ambjentali mmexxija minn membru tal-Bord tal-ERA, bis-sehem ta’ rappreżentant tal-għaqdiet ambjentali.
Il-Bord tal-ERA se jkun jista’ jiddelega wħud mid-deċiżjonijiet tiegħu lil din il-Kummissjoni, biex b’hekk tiżdied l-effiċjenza sabiex ċertu applikazzjonijiet, bħal pereżempju petizzjonijiet dwar multi amministrattivi, jiġu determinati f’inqas ħin. Il-leġiżlazzjoni ġdida se tistabbilixxi wkoll proċeduri għall-ħidma tal-Bord tal-ERA u l-Kummissjoni l-ġdida.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli, li ppreżentat dan l-abbozz t’emendi fil-liġi f’Mejju li għadda, esprimiet id-determinazzjoni tagħha li tiżgura li dan it-tibdil jitwettaq b’mod effettiv fix-xhur li ġejjin.
“Dawn l-emendi jkomplu jagħtu saħħa akbar lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi f’pajjiżna, filwaqt li qed nagħmlu pass ieħor ’il quddiem fl-impenn kollettiv tagħna għal ambjent iżjed sostenibbli f’Malta u Għawdex.”
Ministru Miriam Dalli