L-iSpeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia ħabbar il-programm taċ-ċerimonja li fiha it-Tabib George Vella se jinħatar uffiċjalment l-għaxar President tar-Repubblika ta’ Malta.
Iċ-ċerimonja se ssir il-Ħamis, 4 ta’ April u tibda b’quddiesa fil-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann. Dr Vella wara li jieħu l-ġurament, jagħmel id-diskors tal-okkazzjoni u mbagħad joħroġ fil-gallerija tal-Palazz biex isellem lill-poplu Malti.
Jumejn qabel, it-Tlieta 2 ta’ April, il-Parlament se jiddiskuti żewġ mozzjonijiet tal-Prim Ministru, waħda li tirringrazzja lil Marie Louse Coleiro Preca għax-xogħol li għamlet fit-terminu tagħha u l-oħra li tressaq in-nomina ta’ Dr Vella bħala s-suċċessur tagħha. L-Oppożizzjoni qablet maż-żewġ mozzjonijiet.
Dr Farrugia ħabbar ukoll li nhar l-Erbgħa, 20 tax-xahar, il-membri parlamentari se jwegħdu li se jagħtu l-organi wara mewthom u fl-istess jum se jkun hemm laqgħa mal-membri tad-Down Syndrome Association fl-okkazzjoni tal-jum li jkun iċċelebrat l-għada.
Is-Sibt 30 tax-xahar, bejn it-8.30 pm u d-9.30 pm, id-dawl tal-Parlament se jintefa’ bħala parti mill-attivitajiet f’Earth Day 2019 dwar l-ambjent.