Il-Parlament jaffettwa n-nies fil-ħajja tagħhom, ta’ kuljum.
Dan intqal ma’ ONE News minn Myriam Spiteri Debono, li hija l-ewwel Speaker mara u l-unika mara li serviet f’din il-kariga fl-ewwel mitt sena mill-ftuħ tal-Parlament Malti.
Hija qalet, “U żgur li jaffettwa l-ħajja ta’ kuljum. Apparti l-fatt li fil-Parlament ukoll, inti qisek għandek żewġ livelli. Dawk il-liġijiet li jaffettwaw il-ħajja taċ-ċittadini kuljum u dawk il-liġijiet illi jaffettwawh liċ-ċittadin, imħabba li jkomplu jiżviluppaw il-preżenza tal-kunċetti kostituzzjonali u politiċi kif imħaddma.”
Spiteri Debono qalet kif l-irwol ta’ Speaker huwa li jippresedi l-Kamra u jara li r-regoli qed jinżammu: “L-irwol tiegħu u l-preżenza tiegħu idealment m’għandiex tkun imponenti u fuq quddiem, għaliex huma l-membri li jagħmlu l-kamra, il-membri eletti u huma r-rappreżentanti tal-poplu, il-protagonisti. Imma jinqalgħu sitwazzjonijiet, fejn l-ispeaker jintalab jagħti il-ġudizzju tiegħu, jagħti d-deċiżjonijiet tiegħu.”
Fl-intervista ma’ Spiteri Debono staqsejna dwar l-aktar esperjenzi li tiftakar matul is-snin li għamlet f’din il-kariga: Hija qaltilna, “Mhux sitwazzjoni kellna partikolari, kellna waħda partikolari ħafna għaliex dak iż-żmien il-Kostituzzjoni kienet għadha ma ġietx emendata, li min iġib l-iktar voti, il-voti kollha li jġib ikun imsarrfa f’siġġijiet. Allura għalkemm il-Partit Laburista seta’ kellu tliet siġġijiet aktar, kellu biss siġġu wieħed.”
Hawnhekk Dr Spiteri Debono tkellmet magħna wkoll meta vot dwar il-marina tal-Birgu kien ittieħed bħala vot ta’ fiduċja fil-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Alfred Sant.
Myriam Spiteri Debono tkellmet ukoll dwar ir-rappreżentanza ekwa bejn is-sessi fil-Parlament, liġi li ġiet approvata din is-sena u qalet kif din se tbiddel il-Parlament: “Din xi ħaġa li ilna ngħajtu għaliha mill-bidu tat-tmeninijiet, ngħajtu u nsemmu l-kwoti. Issa almenu għandna aċċettazzjoni tal-prinċipju, li għandu jkun hemm rappreżentanza ekwa tas-sessi fil-Parlament.”