Ġimgħa wara li ħalla din id-dinja, il-Parlament Malti sellem lill-Papa Franġisku.
F’seduta Parlamentari iqsar minn tas-soltu u wara l-btajjel tal-Għid, id-Deputat Prim Ministru u l-Leader of the House Ian Borg sejjaħ lill-Papa Franġisku bħala strument tal-paċi.
Id-Deputat Prim Ministru qal li l-Papa Arġentin kien maħbub minn bosta, anki minħabba s-sempliċità tiegħu.
Id-Deputat Prim Ministru semma wkoll kif il-Papa kien żar kemm lil Malta u anki lil Għawdex, b’din iż-żjara tibqa’ f’qalbna.
Qal li r-relazzjonijiet bejn Malta u Vatikan baqgħu jissaħħu. Hawnhekk semma kif fost oħrajn studenti Maltin tal-mediċina għandhom l-opportunità li jaħdmu fl-Isptar tal-Vatikan.
Id-Deputat Prim Ministru qal li l-Papa Franġisku tella’ temi soċjali fosthom għal persuni LGBTIQ, immigranti u anki l-ħaddiema.
Id-Deputat Prim Ministru f’isem il-Gvern ta l-kondoljanzi lill-istat tal-Vatikan, waqt li awgura lis-suċċessur futur tal-Papa Franġisku.
Sellmu wkoll il-memorja tal-Papa Franġisku l-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.
Fl-aħħar tas-seduta Parlamentari tat-Tnejn kien hemm minuta ta’ silenzju b’rispett lejn il-Papa Franġisku.