Fl-ewwel seduta wara l-btajjel tal-Milied, il-Parlament sellem il-memorja tal-eks Segretarju Parlamentari u l-eks Deputat Laburista, Silvio Parnis.
Silvio Parnis ħalla din id-dinja t-Tlieta li għadda, fl-eta ta’ 57 sena.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li Silvio Parnis dejjem kien disponibbli għan-nies u kien dejjem viċin tagħhom f’kull mument tal-ġurnata.
Dr Abela qal li Parnis kien dejjem jirrispetta lil kulħadd u jwassal il-messaġġ li jrid jgħaddi li kien jemmen fih.
Il-Prim Ministru qal li huwa dejjem baqa’ jgħaddi lill-oħrajn il-valur li wieħed ma jaqtax qalbu, anki fl-aħħar mumenti tiegħu.
Dr Abela qal li matul il-kampanja elettorali kien jibgħatlu ta’ kuljum u jgħidlu li qiegħed jitlob għalih minkejja li kien qed jiġġieled kontra l-mard.
Hawnhekk, il-Prim Ministru rrakkonta li, darba minnhom Silvio ried ikellmu u qallu li kien inkwetat fuq żewġ affarijiet.
“L-ewwel wieħed kien li ma kellux saħħa biex jaħdem, li ma setax isuq, minħabba l-kura li kien qiegħed jieħu. Iżda l-iktar biċċa ta’ inkwiet li kellu kien x’se jiġri minn Dorianne u minn Jacob jekk il-marda tegħlbu. Dakinhar, niftakar, kont għidtlu, ‘Iffoka fuq il-kura tiegħek, iffoka fuq saħħtek, il-bqija huwa responsabilità tiegħi’. Dik il-kelma li tajtu dakinhar sal-lum il-ġurnata żammejtha u se nibqa’ nżommha mal-għeżież tiegħu.”
Sellem ukoll il-memorja ta Silvio Parnis l-Ispeaker tal-Parlament, Anġlu Farrugia.
Waqt l-istess seduta, il-Parlament sellem ukoll il-memorja ta’ omm il-Kap tal-Oppożizzjoni, Frida Grech, li ħalliet li din id-dinja t-Tnejn.
Il-Prim Ministru Robert Abela ta l-kondoljanzi sinċiera tiegħu lill-familja Grech.