F’seduta straordinarja tal-Parlament, id-deputat Robert Arrigo ngħata tislima miż-żewġ naħat tal-Kamra wara li dalgħodu tħabbret il-mewt tiegħu fl-għomor ta’ 67 sena.
Il-Prim Ministru Robert Abela ddiskriva lil Arrigo bħala persuna maħbuba u umli. Qal ukoll li Arrigo kien bniedem ġentlom li ta kontribut kbir lis-soċjetà f’diversi oqsma, minn dak sportiv sa dak soċjali u politiku.
Robert Abela semma diversi esperjenzi li kellu ma’ Robert Arrigo, u rrefera b’mod partikulari għall-entużjażmu li kellu Arrigo dwar l-ikla li kien se jorganizza f’Diċembru biex jiċċelebra l-ħamsin anniversarju tiegħu fil-qasam tat-turiżmu, u li fiha kien se jiġbor fondi għal Puttinu Cares.
Il-Prim Ministru għalaq id-diskors tiegħu billi qal li, bla dubju, pajjiżna tilef ġentlom ta’ veru li kellu ruħ soċjali.
Fil-kumment tiegħu l-Ispeaker tal-Parlament, Anġlu Farrugia, qal li Robert Arrigo kien bniedem li kellu kariżma kbira u kien bniedem ta’ valuri li kellu għall-qalbu l-familja.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, irringrazzja lil Robert Arrigo għas-sagrifiċċji u l-ħidma tiegħu fil-Partit Nazzjonalista.
Waqt din is-seduta ngħatat tislima ukoll lil Twanny Agius, li jiġi missier David Agius, u li wkoll ħalla din id-dinja llum.