Fis-seduta Parlamentari tat-Tnejn, id-Deputati Parlamentari sellmu l-memorja tal-Professur Edwin Grech li ħalla lil din id-dinja fil-15 ta’ Marzu ta’ din is-sena.
F’isem in-naħa tal-Gvern id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne sostna li l-Professur Grech kien bniedem rett, dixxiplinat u organizzat, u li ta ħafna kemm lill-pazjenti Maltin u Għawdxin u kif ukoll studenti li kienu qed jaspiraw għall-professjoni fis-settur mediku.
Id-Deputat Prim Ministru fakkar ukoll fil-bojkott soċjali li seħħ fil-konfront tal-Professur Edwin Grech u sħabu. Bojkott frott mibgħeda politika li wassal għall-assassinju ta’ bintu Karen permezz ta’ ittra bomba u li minkejja dan xorta baqa’ jwassal is-servizz tiegħu lill-pazjenti.
Minn naħa tiegħu d-Deputat tal-Gvern Michael Farrugia rrimarka ż-żmien turbolenti li fih il-Professur Grech ra li jkomplu jimirħu l-istudenti mediċi anke billi mmodernizza s-sistema ta’ tagħlim tagħhom fl-iskola medika.
Waqt l-istess seduta, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ukoll sellem il-memorja tal-Professur Edwin Grech.