F’seduta speċjali l-Erbgħa filgħaxija, il-Parlament Malti radd ħajr lill-President uxxenti George Vella għall-ħidma tiegħu fl-aħħar ħames snin. Dan f’mozzjoni, li tressqet mill-Prim Ministru Robert Abela, ġiet issekondata mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u approvata mid-deputati kollha fil-Kamra.
F’diskors tal-okkażjoni, il-Prim Ministru qal kif il-President George Vella jħobb lil pajjiżna u anke kif dan urih b’mod internazzjonali.
Hawnhekk Dr Abela semma ħames punti dwar il-Presidenza George Vella.
Fosthom li, bħall-bqija tad-dinja, sab sfidi internazzjonali, fosthom il-pandemija u baqa’ jżomm il-kuntatt man-nies, fosthom mal-pazjenti barra minn xtutna.
Il-Prim Ministru semma kif, f’dawn l-aħħar ħames snin, il-President Vella sab taqlib politiku u dejjem qeda d-dmirijiet tiegħu skont il-Kostituzzjoni. Hawnhekk semma kif kien hemm esponenti li talbu għar-riżenja tiegħu u ma daħalx fl-arena tal-politika partiġġjana.
Dr Abela semma kif kien hemm mumenti meta l-President ma qabilx dwar riformi mressqin mill-Gvern, fosthom dwar il-liġijiet tal-użu responsabbli tal-kannabis, it-twessigħ tal-liġijiet tal-IVF, fosthom dwar Bill 28. Hawnhekk Dr Abela sostna li, anke jekk ma kienx hemm qbil, dejjem kien hemm rispett bejn iż-żewġ naħat.
Il-Prim Ministru semma kif il-President Vella ma ħadimx mill-Palazz tal-Granmastru fil-Belt, minħabba r-restawr estensiv li kien għaddej u anke ħadem għat-twaqqif tal-Kunsill tal-Lingwa Maltija.
Kellu r-rispett internazzjonali u barra minn xtutna għadda l-messaġġ ta’ pajjiżna.
Dwar il-mozzjoni tkellem ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, li sostna kif il-President Vella ta ħafna lil pajjiżna anke fil-karriera politiku tiegħu.
Il-Parlament issa aġġorna għall-Ħamis 4 t’April, meta dakinhar Myriam Spiteri Debono tinħatar bħala l-11-il President tar-Repubblika. Din is-seduta speċjali se ssir fis-Sala tat-Tron fil-Palazz tal-Granmastru fil-Belt Valletta.
Hawnhekk l-Ispeaker Anġlu Farrugia jagħti l-ġurament tal-ħatra lin-Nutar Spiteri Debono bħala l-Kap tal-Istat.