Il-House of Commons mistenni japprova t-talba tal-Prim Ministru Ingliż Theresa May biex f’Ġunju li ġej issir elezzjoni bikrija fir-Renju Unit.
It-talba ta’ May trid tiġi approvata minn żewġ terzi tal-Parlament Ingliż.
Din it-talba mistennija tiġi approvata mingħajr xkiel wara li anki l-mexxej tal-Partit Laburista Ingliż Jeremy Corbyn laqa’ t-talba biex issir l-elezzjoni fit-tmienja ta’ Ġunju.
Il-mozzjoni għat-talba biex fir-Renju Unit issir l-elezzjoni mistennija tiġi preżentata fis-sessjoni parlamentari tal-lum wara nofsinhar.
Is-sena li għaddiet il-poplu tar-Renju Unit għażel Brexit, iżda ftit ġimgħat qabel jibdew in-negozjati bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea l-klassi politika tinsab mifruda dwar it-triq ‘il quddiem, bil-Prim Ministru May tieħu deċiżjoni li tibgħat messaġġ ċar li issa jrid ikun il-poplu li jiddeċiedi.