Illum, Membri Parlamentari fir-Renju Unit approvaw l-abbozz li tillegalizza l-mewt assistita, suġġett kontroversjali li pprovoka qasma fil-lealtajiet tal-partiti tradizzjonali.
Il-leġislazzjoni, li kienet ġiet introdotta inizjallment mill-Membru Parlamentari tal-Partit Laburista Kim Leadbeater, tippermetti lill-persuni adulti li baqalhom anqas minn sitt xhur ħajja, li jingħataw il-faċilità tal-ewtanażja wara li jiksbu approvazzjoni minn żewġ tobba u mħallef.
Il-vot ġie meqjus bħala wieħed ta’ kuxjenza, li jfisser li l-Membri Parlamentari m’għandhomx jivvutaw skont il-linji gwida tal-partit tagħhom iżda ingħatalhom vot ħieles.
Il-mistoqsija żvelat diviżjonijiet profondi fost il-partiti politiċi li normalment ikunu allinjati bil-maġġoranza tal-Membri Parlamentari jinsabu f’diżgwid bejniethom.
Il-Prim Ministru Keir Starmer fil-passat kien indika li kien favur din il-liġi iżda minn mindu ġie elett irrifjuta li jgħid kif se jivvota.
Is-Segretarju tas-Saħħa tal-Istat Wes Streeting, iddikjara li kien se jivvota kontra hekk kif qed isostni li s-sistema Ingliża tal-kura fl-aħħar tal-ħajja m’għandiex ir-riżorsi biex timplimenta din il-leġislazzjoni.
L-eks Prim Ministri Ingliżi għandhom opinjonijiet differenti fejn Boris Johnson u Theressa May jgħidu li jekk jingħataw iċ-ċans jivvutaw kontra filwaqt li l-ġimgħa l-oħra David Cameron ippublika opinjoni fit-Times fejn qal li biddel fehmtu u issa jinsab favur l-abbozz.
B’hekk, l-abbozz se jkun skrutinizzat aktar fiż-żewġ kmamar tal-Parlament u se jidħol fis-seħħ fi żmien sentejn jew tliet snin.
Ir-Renju Unit ma kienx l-unika pajjiż fl-Ewropa li riċentament qed jikkunsidra li jawtorizza l-mewt assistita hekk kif Membri Parlamentari fl-Irlanda aktar kmieni din is-sena approvaw rapport parlamentari fuq l-istess binarju. Fi Franza, dibattitu dwar is-suġġett kien interrot meta ingħajtet elezzjoni bikrija.
L-Awstrija, il-Belġju, il-Kanada, u partijiet mill-Istati Uniti diġà għandhom illegalizzat is-suwiċidju assistit b’diversi regoli varji dwar min hu eliġibbli għal din il-proċedura.