Il-Parlament Ingliż ivvota kontra l-ftehim maqbul bejn il-Prim Ministru Ingliż Theresa May u l-Unjoni Ewropea dwar Brexit.
B’202 favur u 432 vot kontra, kif mistenni kien hemm oppożizzjoni qawwija għall-ftehim ta’ Brexit. F’indirizz li għamlet eżatt wara li nqara l-vot, il-Prim Ministru Theresa May qalet li tirrispetta d-deċiżjoni tal-vot fil-Parlament.
Minkejja dan qalet li r-rappreżentanti tal-poplu Ingliż għandhom ukoll jirrispettaw ir-rieda tal-poplu f’Ġunju ta’ tliet snin ilu vvutaw favur Brexit. Il-mexxej tal-Partit Laburista Ingliż Jeremy Corbyn saħaq li dan kien vot ta’ sfiduċja fil-Gvern ta’ May. Qal li dan kien l-akbar vot fejn Gvern ġie sfiduċjat f’100 sena.
Huwa ressaq mozzjoni ta’ vot ta’ sfiduċja fil-Gvern Ingliż u din se tiġi diskussa għada.