L-Ispeaker Anġlu Farrugia mexxa s-sitt laqgħa tal-Parlament tan-Nanniet 2019, fil-Parlament ta’ Malta.
Fil-kelmtejn li għamel, l-Ispeaker tkellem dwar il-kollaborazzjoni bejn il-Parlament ta’ Malta u l-Fondazzjoni Nanniet Malta. Hu qal li l-Parlament tan-Nanniet għandu jitqies bħala diskussjoni fil-kuntest ta’ djalogu informali bejn il-Membri Parlamentari u n-nanniet, u li din hi esperjenza utli ħafna li matulha l-qagħda tan-nanniet qed tkun diskussa mill-Parlamentari Maltin u l-imsieħba tal-Fondazzjoni Nanniet Malta.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia ddeskriva lill-ġenituri bħala parti mill-patrimonju nazzjonali ta’ pajjiżna għaliex huma sawru fit-tfal tagħhom valuri għonja u qaddisa. “Aħna għandna nagħmlu l-almu tagħna sabiex il-familji tagħna jkunu l-post ta’ kenn u serħan u djar ta’ imħabba umana fejn il-ġenituri jieħdu ħsieb uliedhom jikbru b’saħħithom, jedukwahom, juruhom is-sbuħija tal-ħajja, ikunu altruwisti u jaħsbu f’ħaddieħor”, tenna l-Ispeaker Farrugia.
F’għeluq id-diskors hu qall li kull ħidma fis-soċjetà tagħna bħala mezz li tgħaqqad flimkien kull ġenerazzjoni, dik tal-imgħoddi, ma’ dik tal-lum u kontemporanja, u t’ulied uliedna, jew aħjar tal-ġejjieni. Dan għandu jimlina b’kuraġġ u għandna nħarsu lejn il-futur ta’ pajjiżna b’ottimiżmu.
L-aġenda ta’ din il-laqgħa kienet tinkludi diskussjoni dwar l-impatt ta’ parental alienation fit-tfulija; servizzi lill-anzjani miċ-Ċentri Leap; It-tifsira ta’ befriending programme; is-solitudni u l-abbandun; kollaborazzjoni bejn Nanniet Malta u Kunsill Lokali; is-sehem tan-Nanniet Ewropej u l-Jum Ewropew tan-Nanniet, u l-kultura bħala mezz ta’ kura fost l-anzjani.
Is-sessjoni tal-Parlament tan-Nanniet ġiet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis, l-MP Ivan Bartolo, u l-MP Robert Cutajar.
Ritratti: SPK