It-tfakkira tal-avvenimenti tas-Sette Giugno għal din is-sena hija importanti għalina meta wieħed iqis li din hija l-mitt sena miċ-ċerimonja li inawgurat il-Parlament Malti. L-istess ħaġa li missierijietna ssieltu għaliha fl-1919 u saħansitra tilfu ħajjithom għaliha.
Dan kien il-messaġġ ewlieni tad-diskors tal-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia waqt iċ-ċerimonja annwali tas-Sette Giugno fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt.
Fid-diskors tiegħu, Dr Farrugia aċċena dwar l-importanza tal-maturità politika fil-pajjiż u fil-Parlament, u filfatt saru avvanzi kbar f’dan ir-rigward, fosthom emendi kostituzjonali u fl-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali biex ikun hemm rappreżentanza aktar ugwali u ġusta bejn is-sessi.
Fi tmiem id-diskors, l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż qiegħdu l-fjuri f’riġlejn il-monument tas-Sette Giugno fi pjazza San Ġorġ, il-Belt.