Nhar l-Erbgħa li ġej, il-Parlament Ewropew se jivvota biex jiġi approvat il-passaport tal-vaċċin, magħruf bħala d-Digital Green Certificate.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Parlament Ewropew fi Brussell, jumejn qabel il-vot, il-Membru Parlamentari Ewropew Sophie In‘t Veld mill-Kumitat LIBE qalet li huwa dritt fundamentali tal-Unjoni Ewropea li ċ-ċittadini Ewropej jivvjaġġjaw b’mod sigur.
Żiedet tgħid kif il-maġġoranza tal-Membri Parlamentari Ewropew qed jaqblu ma’ din il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea.
Intqal ukoll li dan il-passaport mhux se jkun biss għas-safar, imma wkoll għal dawk iċ-ċittadini li jaħdmu f’pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea.
Id-Digital Green Certificate se jsir fuq il-bażi ta’ nies imlaqqma, dawk li jkollhom test negattiv u dawk li kienu pożittivi għall-virus fil-passat.
Dan iċ-ċertifikat se jkun bla ħlas, u jingħata fuq karta jew b’mod diġitali.
Fil-konferenza ngħad li b’dan il-passaport mhux se jkun hemm diskriminazzjoni, għaliex dawk li ma jistgħux jew ma jridux jitlaqqmu, xorta jistgħu jużawh billi jippreżentaw test negattiv qabel jivvjaġġaw.
Dan il-passaport mistenni jidħol fis-seħħ madwar l-Unjoni Ewropea f’Ġunju li ġej.
Pajjiżna kien minn tal-ewwel fl-Unjoni Ewropea li appella biex isir dan il-passaport ħalli jiġi ffaċilitat is-safar b’mod sigur.
F’Jannar li għadda, is-sit awtorevoli Politico kien irrapporta dwar ittra li kien bagħat il-Prim Ministru Robert Abela lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursola von der Leyen.
F’din l-ittra, il-Prim Ministru Malti kien qal li wasal iż-żmien li l-Unjoni Ewropea jkollha sistema kompjuterizzata bejn l-istati membri kollha, biex ikun magħruf min ikun imlaqqam kontra l-COVID-19.