Meta fil-jiem li ġejjin jissokta bil-ħidma, il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija tal-Parlament Ewropew mistenni jiddiskuti proposta importanti li għamlet il-Membru tal-Parlament Ewropew tal-Partit Laburista, Josianne Cutajar.
Cutajar ipproponiet emenda importanti għall-baġit allokat għall-Connecting Europe Facility (CEF) fil-qasam tal-enerġija, fejn qiegħda tipproponi żieda ta’ €352 miljun fl-istess baġit, sabiex dan jilħaq il-biljun ewro.
Dan hu essenzjali sabiex it-twettiq ta’ proġetti li jassiguraw sigurtà tal-provvista tal-enerġija u enerġija aktar nadifa issir iktar possibbli.
L-emenda li Cutajar ressqet b’mod formali fil-Kumitat, magħruf bħala ITRE, se tkun diskussa nhar it-Tlieta li ġej waqt laqgħa tal-istess Kumitat. Din il-laqgħa tifforma parti mix-xogħol preparatorju li jagħmel il-Parlament Ewropew għall-baġit finali tal-Unjoni Ewropea għas-sena 2020.
Cutajar saħqet li l-baġit preżenti ta’ madwar €0.6 biljun għas-sena 2020 mhuwiex suffiċjenti sabiex proġetti kbar li jgħaqqdu lill-pajjiżi Ewropej fid-distribuzzjoni tal-enerġija, speċjalment dawk tal-gass, ikunu possibbli. Fost il-proġetti kbar li jistgħu jitwettqu permezz ta’ baġit aqwa għal CEF Energy huwa proprju l-pipeline tal-gass bejn Malta u l-Italja.
Dan kollu jinkwadra fil-viżjoni tal-Gvern Malti f’dan is-settur skont l-istrateġija li tissalvagwardja s-sigurtà tal-provvista u tkompli ssaħħaħ id-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija f’pajjiżna.
Hu mistenni li l-emenda proposta minn Cutajar issib l-appoġġ tal-membri l-oħrajn li jiffurmaw parti mis-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew.